Politika tal-Kontenut Kummerċjali ta' Snap
Fis-seħħ minn: 15 ta' Settembru 2025
Snapchat hija app li tħeġġeġ lin-nies jesprimu ruħhom, jixgħu fil-mument, jitgħallmu dwar id-dinja u jieħdu pjaċir flimkien. Nixtiequ li l-iSnapchatters jieħdu pjaċir u jkunu siguri u dawk l-għanijiet isejsu l-politiki tagħna. Dil-Politika tal-Kontenut Kummerċjali tgħodd għall-kontenut kollu fuq il-pjattaforma ta' Snap għajr ir-riklami murija minn Snap, li huwa sponsorjat minn, li jippromovi jew jirriklama kwalunkwe ditta, prodott, oġġett jew servizz (fosthom id-ditta jew in-negozju tiegħek stess) u kontenut li għandek xi inċentiv biex tippubblikah għax ingħatajt, ngħidu aħna, xi ħlas jew rigali b'xejn.
Jeħtieġlek timxi mar-Regoli tas-Servizz u r-Linji Gwida tal-Komunità ta' Snap flimkien mal-politiki l-oħra kollha ta' Snap li jorbtuk kif tuża s-Servizzi tagħna. Nafu nibdlu r-regoli, il-politiki u l-linji gwida tagħna minn żmien għal żmien, allura jekk jogħġbok iċċekkjahom u aqrahom mill-ġdid ta' sikwit.
Għandek dejjem tkun onest/a dwar id-ditti, il-prodotti u s-servizzi li tkun qed tirriklama bil-kontenut tiegħek; għandek tevita kontenut li jista' jħawwad, iqarraq jew joffendi lin-nies u qatt m'għandek tikkomprometti l-privatezza tal-utenti tagħna.
Int responsabbli li tiżgura li l-kontenut li ttella' u kwalunkwe ditta, prodott jew servizz li jirriklama, ikun addattat għall-iSnapchatters minn 13-il sena 'l fuq. Nistgħu nagħtuk l-għażla li timmira l-kontenut li ttella' għal xi etajiet partikolari. Jekk dak il-kontenut jeħtieġek timmirah lejn xi etajiet partikolari skont dil-politika jew skont l-istandards tal-industrija jew il-liġijiet fis-seħħ tar-reġjun fejn se jintwera l-kontenut, int responsabbli li tuża l-għażliet tal-immirar u li tagħżel l-etajiet it-tajbin u mhux se nkunu responsabbli jekk ma tagħmilx hekk. Jekk ma ssibx l-għażla meħtieġa biex timmira għall-etajiet, ittellax dak il-kontenut.
Kontenut kummerċjali marbut mad-djar, kreditu u impjieg li mmirat jew maħsub (jekk ikun il-każ) għal xi razza, etniċità, reliġjon, twemmin, nazzjonalità, età, ġibda sesswali, ġens, identità tal-ġens, diżabbiltà jew kundizzjoni jew lejn kwalunkwe membru ta' kategorija ta' nies imħarsa mhux permess.
Int responsabbli li tiżgura li l-kontenut li ttella' u l-istqarrijiet dwaru jimxi mal-liġijiet, mal-istatuti, l-ordinanzi, mar-regoli tal-ordni pubbliku u mal-linji gwida u r-regolamenti tal-industrija fis-seħħ kollha.
L-istqarrijiet, iċ-ċaħdiet mir-responsabbiltà u t-twissijijiet kollha għandhom ikunu ċari u prominenti.
Il-kontenut kummerċjali għandu juri li hu kummerċjali u għandu juri d-ditti li jkun qed jirriklama. Għandek tuża wkoll l-għodda tas-sħubija mħallsa ta' Snap biex timmarka l-kontenut u jekk ikun meħtieġ, għandek iżżid ċaħda mir-responsabbiltà jew marka tal-ilma li turi li għamilt xi bidliet fil-kontenut kummerċjali li tellajt.
Dawn huma xi eżempji ta' xenarji ta' meta jista jkollok bżonn tuża l-għodda tas-sħubija mħallsa:
Int ħallieq li tagħmel il-filmati dwar il-klieb. Ditta li tagħmel il-peduni tal-klieb tibgħatlek il-flus biex issemmi d-ditta fi Snap.
Jeħtieġlek tuża t-tikketta li tgħid “sħubija mħallsa”? Iva, għax xi ħadd ħallsek biex tagħmillu riklam.
Id-ditta li tagħmel il-peduni tal-klieb ma tibgħatlekx il-flus imma tibgħatlek erba' peduni tal-klieb bla ħlas u titolbok titkellem dwar dawk il-peduni fuq il-kontenut tiegħek jogħġbuk.
Jeħtieġlek tuża t-tikketta li tgħid “sħubija mħallsa”? Iva, għax ksibt oġġett ta' valur (il-peduni tal-klieb) u għamilt riklam.
Id-ditta li tagħmel il-peduni tal-klieb ma tagħtikx il-peduni tal-klieb għalkollox imma tislifhomlok biex turihom fuq filmat jew issemmi d-ditta jew turi l-logo tagħha xi mkien.
Jeħtieġlek tuża t-tikketta li tgħid “sħubija mħallsa”? Iva.
Tixtri l-peduni tal-klieb int stess biex titħaddet dwarhom; tagħmel l-istess għad-ditti tal-peduni tal-kliem l-oħra.
Jeħtieġlek tuża t-tikketta li tgħid “sħubija mħallsa”? Le għax id-ditta mhi tħallsek bl-ebda mod.
Int tfassal u tbigħ il-peduni tal-klieb.
Jeħtieġlek tuża t-tikketta li tgħid “sħubija mħallsa”? Iva, biex turi li xi ħadd ħallsek biex tirriklama l-peduni tal-klieb.
Int tifhem li kontenut kummerċjali imtella' minnek fuq il-profil pubbliku tiegħek jista' jintwera wkoll fit-taqsima Għalik ta' Snapchat u għandek tiżgura li kull stqarrija tkun addattata wkoll għal dak il-kuntest. Biex il-kontenut kummerċjali tiegħek jilħaq l-ikbar udjenza possibli fuq Stejjer, Spotlight, il-Mappa u oqsma oħra tal-app, l-istqarrijiet tiegħek għandhom ikunu jidhru sew u addattati għal dawk il-kuntesti. Ngħidu aħna: jekk ittella' sitt Snappijiet ta' kontenut kummerċjali imma l-ewwel Snap biss tgħid li huwa kontenut kummerċjali, l-ewwel Snap biss se tkun eliġibbli biex tintwera lil hinn mill-Profil Pubbliku tiegħek.
Jekk titlob lill-iSnapchatters għall-informazzjoni personali, għandek tagħmilha ċara li int, u mhux Snap, qed tiġbor dik id-dejta, u kull fejn tiġbor l-informazzjoni personali, għandek taqsam il-politika tal-privatezza tiegħek.
Il-kontenut kummerċjali ma jistax jiġbor tagħrif dwar in-nisel razzjali jew etniku, il-fehmiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, id-dettalji dwar is-sħubija mal-unions jew id-dettalji dwar is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-istorja tas-saħħa.
L-informazzjoni personali għandha tinġabar u tiġi proċessata b'mod sigur.
Il-kontenut kummerċjali m'għandux jikser il-propjetà intellettwali, il-privatezza u l-jeddjijiet legali l-oħra ta' xi entità jew persuna oħra. Għandek ikollok il-jeddijiet u l-permessi kollha meħtieġa għall-kontenut, fosthom biex tuża l-kontenut mogħti minn Snap, bħall-mużika, il-lentijiet u l-filtri ġeografiċi. Tużax l-ismijiet, ix-xbihat (fosthom ix-xebħ), il-leħen (fosthom ilħna li jixtiebhu) jew karatterisċiti ta' identifikazzjoni oħra ta' xi persuna jew ditta mingħajr il-kunsens tagħhom.
Jekk temmen li l-jeddijiet tal-awtur, il-marka kummerċjali jew il-jeddijiet tad-dehra tiegħek inkisru minn xi kontenut kummerċjali fuq Snapchat, inħeġġuk tipprova tikkuntattja u ssolvi l-problema direttament mal-pubblikatur. Jekk ma jirnexxilekx, tista' tirrapporta ksur allegat tal-propjetà intellettwali lil Snap minn hawn. Aħna nieħdu r-rapporti kollha bħal dawn bis-serjetà.
Il-kontenut kummerċjali m'għandux jissuġġerixxi rabta ma' Snap jew mal-prodotti tagħha. Dan ifisser li l-kontenut kummerċjali m'għandux juża marki kummerċjali, biċċiet tal-arti ta' Bitmoji jew xbihat tal-interfaċċja tal-utenti ta' Snapchat sakemm il-Linji Gwida tad-Ditta ta' Snapchat jew il-Linji Gwida tad-Ditta ta' Bitmoji ma jħallukx tagħmel hekk. Il-kontenut kummerċjali lanqas m'għandu jkollu marki kummerċjali mibdula jew varjazzjonijiet tagħhom li huma proprjetà ta' Snap.
L-offerti fuq Snapchat marbuta bir-Regoli tal-Offerti ta' Snap.
Kontenut kummerċjali li jirriklama l-alkoħol m'għandux ikun immirat lejn l-ebda persuna taħt l-età legali tax-xorb fejn ikun qed jintwera l-kontenut jew lejn postijiet fejn it-tali kontenut mhux permess. Għandek tuża l-għażliet għas-sejbien tal-udjenza disponibbli. Dan il-kontenut m'għandux juri konsum eċċessiv jew irresponsabbli ta' alkoħol jew individwi fis-sakra jew li b'xi mod ieħor huma intossikati.
Kontenut kummerċjali li jirriklama servizzi ta' dating m'għandux ikun immirat lejn ħadd taħt it-18-il sena. Jeħtieġlek tuża l-għażliet għas-sejbien tal-udjenza disponibbli. Dan il-kontenut m'għandux ikun ta' natura sesswali b'mod ċar, m'għandux isemmi ħbiberiji bil-ħlas, m'għandux jirriklama jew jagħti stampa sabiħa tan-nuqqas ta' fedeltà u m'għandux juri nies li huma jew li jidhru li huma żgħar wisq biex jużaw das-servizz. Snap ma tħallikx timmira dal-konetenut għas-servizzi tad-dating fuq l-internet lil nies ġewwa dal-pajjiżi li ġejjin: l-Alġerija, il-Bahrain, l-Eġittu, il-Palestina, l-Iraq, il-Ġappun, il-Ġordan, il-Kuwajt, il-Libanu, il-Marokk, l-Oman, il-Pakistan, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, it-Tuneżija u l-Emirati Għarab Magħquda.
Kontenut kummerċjali li jirriklama l-prodotti jew is-servizzi biex titlef il-piż m'għandux ikun immirat lejn l-ebda persuna taħt it-18-il sena. Għandek tuża l-għażliet għas-sejbien tal-udjenza disponibbli. It-tali kontenut m'għandux ikun fih stqarrijiet foloz jew desrizzjonijiet mhux preċiżi ta' prodotti tal-ikel, inkluż stqarrijiet marbuta mas-saħħa u man-nutrizzjoni.
Kontenut kummerċjali li jirriklama s-servizzi tal-logħob tal-ażżard m'għandux ikun immirat lejn ħadd taħt l-età legali tal-logħob tal-ażżard fejn ikun qed jintwera l-kontenut jew lejn postijiet fejn it-tali kontenut mhux permess. Għandek tuża l-għażliet għas-sejbien tal-udjenza disponibbli.
Kontenut kummerċjali li jirrikalma ċertu servizzi finanzjarji kumplessi, li jistgħu jinkludu kartieri tal-kriptomuniti u pjattaformi tal-kummerċ m'għandux ikun immirat lejn l-ebda persuna taħt l-età legali fejn ikun qed jintwera l-kontenut jew lejn postijiet fejn it-tali kontenut mhux permess. Għandek tuża l-għażliet għas-sejbien tal-udjenza disponibbli.
Kontenut kummerċjali li jirriklama prodotti u servizzi farmaċewtiċi, inkluż spiżeriji fuq l-internet, mediċini bir-riċetta, mediċini ta' bla riċetta, prodotti għas-saħħa u għad-dieta, kondoms, kontraċettivi ormonali jew operazzjonijiet/proċeduri kożmetiċi m'għandux ikun immirat lejn ħadd taħt l-età legali fejn il-kontenut ikun qed jintwera jew lejn postijiet fejn it-tali kontenut mhux permess. Għandek tuża l-għażliet disponibbli għas-sejbien tal-udjenza.
Kontenut kummerċjali marbut ma' dawn li ġejjin mhux permess:
Kontenut dwar l-elezzjonijiet marbut mal-kandidati jew mal-partiti għal xi xorta ta' post fil-gvern, proposti jew referendum, mal-kumitati għall-azzjoni politika u kontenut li jħeġġeġ lin-nies biex jivvutaw jew jirreġistraw biex jivvutaw.
Kontenut marbut mal-attiviżmu jew kwistjonijiet partikolarli li jitkellem dwar kwistjonijiet jew għaqdiet li qed jissemmew fit-taħdit pubbliku tal-post, tal-pajjiż jew tad-dinja jew li huma ta' importanza pubblika. Fost l-eżempji hemm: kontenut dwar l-abort, l-immigrazzjoni, l-ambjent, l-edukazzjoni, id-diskriminazzjoni u l-armi tan-nar.
Ġewwa l-Unjoni Ewropea dan jiġbor fih ukoll kull kontenut maħsub, jew li jista', jaffettwa r-riżultat ta' elezzjoni jew referendum, kif in-nies tivvota jew proċess leġislattiv jew regolatorju.
Għalkemm l-iSnapchatters jistgħu jaqsmu l-fehmiet politiċi tagħhom, fis-swieq approvati (li ma jiġbrux fihom l-Unjoni Ewropea), Snap tillimita r-riklami tradizzjonali bil-ħlas li jkun fihom il-messaġġi politiċi. Dan biex nimxu bir-reqqa mal-komunità tagħna u biex dejjem inkunu trasparenti. Jekk jogħġbok aqra l-Politiki tar-Riklami tagħna għal iktar dettalji dwar ir-riklami politiċi.
Jekk jogħġbok aqra l-Linji Gwida tal-Komunità tagħna li huma l-istandard għall-kontenut kollu fuq Snapchat fosthom il-kontenut kummerċjali. Fejn jidħol il-kontenut kummerċjali, aħna nipprojbixxu wkoll:
Solleċitazzjoni sesswali ta' kull xorta
Stampi jew deskrizzjonijiet dettaljati tal-ġenitali f'kull kuntest, bżieżel jew srum mikxufa jew għera mhux moħbija għalkollox (ngħidu aħna, xi ħadd għarwien imma miżbugħ biż-żebgħa tal-ġisem jew mgħoddi b'xi wiċċini)
Xbihat ta', jew referenzi għal, għemil sesswali partikolari f'kull xorta ta' kuntest. Fosthom mossi li jimitaw xi għemil sesswali partikolari, bil-props jew mingħajrhom
Servizzi laqgħat mal-oħrajn li jiffukaw fuq il-laqgħat sesswali superfiċjali
Divertiment għall-adulti (ngħidu aħna, pornografija, xandiriet sesswali diretti, strip clubs, burlesque)
Materjal sesswali li ttieħed mingħajr kunsens (gazzetti li jtellgħu r-ritratti maqsuma mingħajr permess, ir-ritratti privati jew ir-ritratti xennieqa)
Xbihat jew referenzi żejda għall-vjolenza sesswali
Bullying jew kontenut li jneżża' mid-dinjità. Ngħidu aħna: il-kontenut kummerċjali marbut mas-saħħa fiżika m'għandux iġiegħel lil xi ħadd iħossu inqas minn ħaddieħor minħabba l-forma jew id-daqs ta' ġismu.
Profanità, oxxenità u sinjali oxxeni
Attentati biex jintimida jew jbeżża' lil xi ħadd biex jixtri prodott jew servizz
Kontenut grafiku li juri l-vjolenza fil-ħajja reali barra mill-kuntest ta' aħbarijiet jew dokumentarju
Tfaħħir tal-vjolenza fosthom kull tfaħħir tal-ħsara lilek innifsek, tal-gwerra, tal-qtil, tal-abbuż u tal-abbuż fuq l-annimali
Xbihat keddejja li juru ħsara fiżika serja li tista' twassal għall-mewt jew għall-korriment fit-tul.
Kontenut falz jew qarrieqi fosthom stqarrijiet, offerti, faċilitajiet jew imġibiet tan-negozju qarrieqa
Riklami ta' oġġetti jew servizzi qarrieqa fosthom dokumenti, ċertifikati jew prodotti foloz
Il-ħolqien jew il-qsim ta' kontenut li jikkopja d-dehra jew il-ħidma tal-faċilitajiet jew il-formati ta' Snapchat
Sejħiet għall-għemil qarrieqa jew ħoloq li jwasslu għal paġna mhux marbuta mad-ditta jew mal-kontenut li l-utent ikun qed jistenna li jsib
Il-ħabi, jew kull limitazzjoni fuq li wieħed isib il-paġna tal-ħolqa jew bidliet fl-indirizz tal-paġna wara li dawn jintbagħtu lil Snapchat biex ma nkunux nistgħu nirreveduhom
It-tħeġġiġ ta' mġiba mhux onesta (ngħidu oħra, kontenut kummerċjali marbut ma' dokumenti tal-identità foloz, plaġjariżmu, servizzi tal-kitba tal-komponimenti)
Ħwejjeġ ordnati li ma jitwasslux jew gideb dwar id-dewmien fil-posta jew dwar in-nuqqas ta' oġġetti disponibbli għall-bejgħ
Prodotti jew servizzi maħsuba għall-bejgħ ta' prodotti frawdolenti, bħall-imitazzjonijiet tal-prodotti uffiċjali jew il-prodotti tad-ditta
Prodotti jew servizzi b'xhidiet tal-effett jew tal-użu foloz ta' persuni magħrufa
Prodotti finanzjarji qarrieqa bħal, self ta' flus b'rati tal-imgħax għoljin ħafna, self lil nies vulnerabbli, pariri dwar il-prodotti jew is-servizzi finanzjarji min-nies b'informazzjoni kunfidenzjali, offerti biex tistagħna malajr, skemi piramida jew offerti finanzjarji qarrieqa jew b'kundizzjonijiet mhux sostenibbli,
Kontenut li jneżża' mid-dinjità, iwaqqa' d-dehra, jiddiskrimina jew juri mibegħda lejn xi razza, etniċità, kultura, pajjiż, twemmin, nazzjonalità, età, ġibda sesswali, ġens, identità jew espressjoni tal-ġens, diżabbiltà jew kundizzjoni partikolari, jew lejn xi membru ta' kategorija ta' nies imħarsa
It-tħeġġiġ jew l-għajnuna b'għemil kontra l-liġi (imġiba, prodotti jew negozju). Ngħidu aħna:
ir-riklami tal-kummerċ tal-annimali slavaġ kontra l-liġi jew il-prodotti u s-servizzi ġejjin minn speċi fil-periklu jew mhedda
prodott jew servizzi li jintużaw prinċipalment biex jinkisru l-jeddijiet tal-propjetà intellettwali tal-oħrajn, bħal għodda maħsuba biex taqbeż il-ħarsien tal-jeddijiet tal-awtur (ngħidu aħna, software jew descramlers tas-sinjal tal-cable)
It-tħeġġiġ tas-sehem f'għemil perikoluż jew li jagħmel il-ħsara ħsara, bħal li tiġbed Snap int u ssuq jew li tibla oġġetti mhux maħsuba għall-ikel.
Ix-xbiha ta' xi ħadd qed juża d-drogi kontra l-liġi jew il-mediċini għall-gost.
Ix-xbiha ta' xi ħadd qed ipejjep jew juża s-sigaretti elettroniċi, ħlief għal riklami marbuta mas-saħħa pubblika jew messaġġi li jħeġġuk tieqaf tpejjep.
Kontenut li jirriklama l-armi u l-isplussivi u aċċessorji marbuta magħhom. Fosthom hemm l-armi tan-nar, il-munizzjon, il-logħob tan-nar, is-skieken tal-ġlied u l-pepper spray.