Aġġornajna t-Termini tal-Karatteristiċi Mħallsa tagħna, fis-seħħ mis-7 ta' April, 2025 Tista' tara t-Termini tal-Karatteristiċi Mħallsa preċedenti, li japplikaw għall-utenti kollha sas-7 ta' April 2025, hawnhekk.

Termini tal-Karatteristiċi Mħallsa ta' Snap

Fis-seħħ minn: 7 ta' April 2025

AVVIŻ DWAR L-ARBITRAĠĠ: JEKK INT TGĦIX FL-ISTATI UNITI JEW JEKK IL-POST PRINĊIPALI TAN-NEGOZJU TIEGĦEK JINSAB FL-ISTATI UNITI, INT MARBUT(A) BID-DISPOŻIZZJONI DWAR L-ARBITRAĠĠ STABBILITA FIR-REGOLI TAS-SERVIZZ TA' SNAP INC.: ĦLIEF GĦAL TILWIM IRREGOLAT BIL-FTEHIM TIEGĦEK DWAR ID-DETENTUR TAL-KARTA U ĊERTI TIPI TA' TILWIMIET IMSEMMIJIN F'DIK IL-KLAWŻOLA TA' ARBITRAĠĠ, INT U SNAP INC. TAQBLU LI T-TILWIMIET BEJNIETKOM SE JIĠU SOLVUTI PERMEZZ TA' ARBITRAĠĠ VINKOLANTI KIF STABBILIT FIR-REGOLI TAS-SERVIZZ TA' SNAP INC., U INTI U SNAP INC. TIRRINUNZJAW GĦAL KWALUNKWE DRITT LI TIEĦDU SEHEM FI KWALUNKWE AZZJONI KOLLETTIVA JEW ARBITRAĠĠ KOLLETTIV. INT TAQBEL LI KWALUNKWE TILWIMA LI INT JISTA' JKOLLOK MINĦABBA S-SERVIZZI PPROVDUTI MINN KWALUNKWE IMSIEĦBA TA' SNAP INC., INKLUŻA SNAP LLC, GĦANDHA TIĠI TTRATTATA MA' SNAP INC. 

Wara l-biċċa l-kbira tal-klawżoli se ssib taqsima fejn infissrulek ir-regoli fi ftit kliem. Dawn it-taqsiriet qegħdin hemm biss biex ngħinuk tifhem aħjar u għandek taqra dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap mill-bidu sal-aħħar biex tifhem il-jeddijiet u l-obbligi legali tiegħek.

1. Daħla

a. Jekk jogħġbok aqra dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap (“Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap”) bir-reqqa. Dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap huma kuntratt li hu marbut legalment bejnek u bejn l-entità ta' Snap imsemmija hawn taħt, u jirregolaw ix-xiri u l-użu li int tagħmel ta' kull xorta ta' kontenut diġitali jew servizz diġitali bil-ħlas fuq is-Servizzi bħal Snapchat+ u Snapstreak Restore (“Faċilitajiet bil-Ħlas”). L-entità ta' Snap li se tipprovdilek il-Faċilitajiet bil-Ħlas tiddependi mill-post fejn tgħix u dawn l-entitajiet jinqasmu hekk:

  • Jekk tgħix ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Faċilitajiet bil-Ħlas jingħatawlek minn Snap Inc.

  • Jekk tgħix fir-reġjun Asja-Paċifiku, li għar-raġunijiet ta' dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas jiġbor fih l-Afganistan, l-Indja, il-Kirgistan, il-Każakistan, il-Pakistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan, imma ma jiġborx fih l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġia, il-Federazzjoni Russa u t-Turkija, il-Faċilitajiet bil-Ħlas jingħatawlek mill-Fergħa ta' Singapore ta' Snap Group Limited.

  • Jekk tgħix f'xi pajjiż ieħor barra l-Istati Uniti tal-Amerka jew ir-reġjun APAC, il-Faċilitajiet bil-Ħlas jingħatawlek minn Snap Group Limited.

b. Ir-rendikont tal-kont tiegħek jista' juri li x-xiri tiegħek ta' Funzjoni bil-Ħlas, u l-ħlas għaliha, ikunu ġew ipproċessati u riċevuti minn imsieħba tal-entità ta' Snap imsemmija hawn fuq. Madankollu, is-Servizzi (li jinkludu l-Faċilitajiet bil-Ħlas) xorta waħda jibqgħu jiġu pprovduti u eżegwiti mill-entità ta' Snap li tikkorrispondi ma' fejn tgħix int. Minflok, għandek tindirizza kwalunkwe mistoqsija relatata jew problema marbuta mas-Servizzi, mal-Funzjonijiet bil-Ħlas jew ma' dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap lil dik l-entità ta' Snap identifikata hawn fuq. 

c. Dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap jinkorporaw b'referenza r-Regoli tas-Servizz ta' Snapil-Linji Gwida tal-Komunità u kwalunkwe regola, linja gwida u politika applikabbli oħra. F'każ li dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap ikunu f'kunflitt ma' kwalunkwe wieħed mir-regoli l-oħra, dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap se jirregolaw. Il-Faċilitajiet bil-Ħlas huma parti mis-"Servizzi" ta' Snap kif spjegat fir-Regoli tas-Servizz ta' Snap

d. Trid tkun mill-inqas 18-il sena (jew l-età tal-adultezza legali fil-ġurisdizzjoni tiegħek, jekk tkun differenti) biex tixtri Faċilità bil-Ħlas. Karta tad-debitu/tal-kreditu valida hi meħtieġa biex tagħmel xirja. Il-Faċilitajiet bil-Ħlas m'għandhom l-ebda valur fi flus u ma jistgħux jitqiesu bħala xi xorta ta' proprjetà.

e. Xi regoli addizzjonali li jkunu speċifiċi għall-pajjiż fejn tgħix jaf japplikaw, inkluż ir-regoli fit-Taqsima 14. L-ebda ħaġa f'dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap ma taffettwa l-jeddijiet u r-rimedji legali tiegħek li għandek dritt għalihom skont il-liġi obbligatorja tal-konsumatur tal-pajjiż fejn tinsab.

Fil-qosor: Trid tkun għalaqt it-18-il sena (jew l-età legali tal-adultezza fil-ġurisdizzjoni tiegħek) biex tixtri Faċilitajiet bil-Ħlas. Skont il-post fejn tgħix, jaf ikun hemm regoli oħra fis-seħħ.

2. Ix-xiri u l-ħlas min-naħa tiegħek

a. Biex tixtri Faċilità bil-Ħlas, trid tkun utent reġistrat u trid tkun illoggjajt fi Snapchat. Int taċċetta r-responsabbiltà għax-xirjiet kollha tal-Faċilitajiet bil-Ħlas u għall-użu ta' kwalunkwe Faċilità bil-Ħlas li jsiru permezz tal-kont ta' Snapchat tiegħek, inkluż il-ħlas għal kwalunkwe ammont mhux awtorizzat iddebitat lill-metodu ta' ħlas tiegħek minn parti terza.

b. Nistgħu nagħmlu Faċilitajiet bil-Ħlas disponibbli għax-xiri direttament mingħandna jew permezz tal-fornitur ta' ħanut tal-applikazzjonijiet jew pjattaforma tax-xiri terza oħra ("Fornitur tax-Xiri"). Il-prezz tal-Faċilità bil-Ħlas jintwerielek fil-punt tal-bejgħ u dejjem se tara l-prezz finali tax-xiri qabel ma tikklikkja biex tagħmel l-ordni tiegħek. Jekk tuża Fornitur tax-Xiri biex tixtri Faċilitajiet bil-Ħlas, issirlek ridirezzjoni lejn is-servizz tal-ħlas tal-Fornitur tax-Xiri biex iddaħħal id-dettalji tal-pagament tiegħek u tlesti x-xirja tiegħek. Jekk issib xi problema biex tikkonkludi l-ordni tiegħek jew biex tagħmel il-ħlas tiegħek permezz ta' Fornitur tax-Xiri, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Fornitur tax-Xiri tiegħek direttament.

c. Meta tissottometti l-ordni tiegħek biex tixtri Faċilità bil-Ħlas, aħna jew il-Fornitur tax-Xiri rilevanti nipprovdulek notifika elettronika li tikkonferma t-tranżazzjoni, f'liema waqt jidħlu fis-seħħ dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas bejnek u bejn Snap. Il-Faċilitajiet bil-Ħlas mhux se jsirulek disponibbli sa ma jiġi riċevut il-ħlas sħiħ u, jekk ma tħallasx il-prezz tax-xiri sħiħ, l-aċċess tiegħek għal Faċilità bil-Ħlas jiġi kkanċellat, itterminat jew sospiż. Snap għandha d-dritt li tiċħad jew li tikkanċella l-ordnijiet meta trid u għal kwalunkwe raġuni. Int taqbel li, jekk nikkanċellaw ix-xirja tiegħek, l-uniku rimedju esklużiv tiegħek hu li aħna jew il-Fornitur tax-Xiri rilevanti: (i) noħorġu kreditu għall-metodu ta' ħlas użat għal dik ix-xirja tal-Faċilità bil-Ħlas; jew (ii) ma niħdulekx flus għax-xirja. 

d. Billi tissottometti ordni, int tawtorizza lil Snap jew lill-Fornitur tax-Xiri rilevanti biex: (i) nużaw l-informazzjoni li int tissottometti għad-debitar tal-karta jew ta' metodu ta' ħlas ieħor tiegħek bil-prezz tal-Faċilità bil-Ħlas li int tkun xtrajt, minbarra kwalunkwe taxxa u tariffa kif deskritti f'dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap; u (ii) meta tkun xtrajt jew attivajt Abbonament bil-Ħlas, naħżnu u nkomplu niddebitaw il-metodu ta' ħlas magħżul tiegħek mingħajr il-bżonn li int ikollok terġa' ddaħħal id-dettalji ta' ħlas kull darba, biex tiġi evitata interruzzjoni tal-Abbonament bil-Ħlas. Jekk tuża Fornitur tax-Xiri biex tlesti x-xirja tiegħek, Snap tista' tirċievi informazzjoni dwar it-tranżazzjoni bħal meta tkun saret, meta tkun id-data ta' skadenza jew ta' tiġdid awtomatiku ta' Abbonament bil-Ħlas, liema Fornitur tax-Xiri tkun użajt biex tixtri l-Faċilità bil-Ħlas, u informazzjoni rilevanti oħra. 

e. Jekk int tixtri Faċilità bil-Ħlas u din ix-xirja tkun suġġetta għat-taxxi, int taqbel li tħallas l-ammont li tiswa l-Faċilità bil-Ħlas flimkien mat-taxxi (inklużi t-taxxi tal-bejgħ, tal-użu, fuq il-valur miżjud jew taxxi jew tariffi simili f'livell nazzjonali, statali jew lokali li jkunu dovuti b'rabta max-xirja tiegħek ta' Faċilità bil-Ħlas) u t-tariffi applikabbli bir-rati li jkunu fis-seħħ meta jkunu ġġarrbu t-tariffi, ħielsa minn kwalunkwe taxxa f'ras il-għajn jew tnaqqisa għat-taxxi. Skont kif tixtri l-Faċilità bil-Ħlas, il-Fornitur tax-Xiri tiegħek jista' jgħaddi dawk it-taxxi lill-awtorità tat-taxxa rilevanti. 

f. Il-ftehim tal-emittent tal-karta tal-ħlas tiegħek jirregola l-użu li int tagħmel mill-karta speċifikata u int trid tirreferi għall-ftehim tiegħek ma' dik il-parti, u mhux għal dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap, biex tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet bejnek u bejn l-emittent. Jekk int tixtri Faċilità bil-Ħlas permezz ta' Fornitur tax-Xiri, allura r-regoli u l-politiki tagħhom jirregolaw ukoll ix-xirja ta' dik il-Faċilità bil-Ħlas. Meta r-regoli tal-Fornitur tax-Xiri ma jkunux konsistenti ma' kwalunkwe wieħed mir-regoli stabbiliti f'dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap, ir-regoli tal-Fornitur tax-Xiri jiggovernaw unikament fir-rigward ta' kwalunkwe regola relatata mal-ħlas u mal-ħlasijiet lura.

Fi ftit kliem: Jeħtieġ li jkollok kont ta' Snapchat biex tixtri Faċilità bil-Ħlas. Int biss responsabbli għall-kont tiegħek u kull għemil li jitwettaq fuqu. Jekk tħallas għall-abbonament tiegħek bl-użu ta' pjattaforma ta' parti terza (bħal, pereżempju ħanut tal-apps), il-pagament tiegħek se jaqa' mhux biss taħt dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas imma taħt ir-regoli tal-pjattaforma wkoll, u jaf ikollok bżonn tikkuntattja lil dik il-pjattaforma jekk ikun hemm xi problema bil-pagament.

3. Snapchat+ u Abbonamenti bil-Ħlas oħra

a. Din it-taqsima tgħodd għax-xiri u għall-użu tiegħek ta' xi Faċilità bil-Ħlas li nagħtuk bħala servizz tal-abbonament ("Abbonament bil-Ħlas"). L-Abbonamenti bil-Ħlas jistgħu jagħtuk aċċess għal ċerti faċilitajiet, funzjonalitajiet jew benefiċċji oħra biex ikomplu jtejbu l-esperjenza tiegħek fuq is-Servizzi tagħna (bħal, ngħidu aħna, Snapchat+). 

b. Sakemm ma ngħarrfukx mod ieħor, l-Abbonamenti bil-Ħlas jistgħu jingħataw xahar b'xahar jew sena b'sena skont kif ngħarrfuk fuq il-paġna tal-ordni. L-abbonamenti ta' xahar jibdew fid-data tax-xiri u jkomplu kull xahar sakemm tikkanċellahom skont dar-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap. L-abbonamenti ta' sena jibdew fid-data tax-xiri, ikomplu għal perjodu inizzjali fiss ta' sena waħda u jiġġeddu għal perjodi addizzjonali ta' sena sakemm ma tikkanċellahomx skont dar-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap. IL-pagamenti għal kull abbonament ta' xahar jew ta' sena huma pagabbli fil-bidu tal-perjodu ta' l-abbonament.

ċ. Sakemm ma jiġux ikkanċellati jew terminati skont dar-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap, int taqbel li l-Abbonamenti bil-Ħlas tiegħek jiġġeddu awtomatikament għall-perjodi konsekuttivi ta' l-istess tul bħall-perjodu inizjali tal-pjan tal-abbonament li kont għażilt fil-punt tax-xiri. Sakemm tikkanċella jew ittemm l-Abbonament bil-Ħlas tiegħek skont dar-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap, tagħti lilna jew lill-Pjattaforma tal-Ħlasijiet tiegħek is-setgħa li niġbru l-pagament awtomatikament mill-metodu tal-pagament li tkun għażilt biex tħallas l-abbonament (bħal, ngħidu aħna, il-karta tal-kreditu) bir-rati li jkunu fis-seħħ qabel jibda kull żmien tal-abbonament. Il-prezz fil-waqt tat-tiġdid ikun il-prezz tal-abbonament fis-seħħ, li se jkun magħruf lilek qabel it-tiġdid. Jekk il-metodu oriġinali tal-pagament li tkun għażilt jinċaħad meta nitolbu l-pagament tat-tiġdid, se nikkanċellawlek l-Abbonament bil-Ħlas tiegħek malli jintemm żmien dak l-abbonament li tkun ħallast għalih sa dak iż-żmien. 

d. Jeħtieġlek tikkanċella l-Abbonament bil-Ħlas tiegħek mis-settings tal-abbonament tiegħek fuq Snapchat jew bil-proċess tal-kanċellazzjoni tal-Pjattaforma tal-Ħlasijiet li tkun użajt biex tixtri l-Abbonament bil-Ħlas qabel id-data li fiha l-abbonament tiegħek jiġġedded jekk ma tixtieqx li l-Abbonament bil-Ħlas tiegħek jerġa' jiġġedded u teħel iktar flus. 

e. Jekk tikkanċella l-Abbonament bil-Ħlas tiegħek, xorta jibqa' jkollok aċċess għall-faċilitajiet kollha tiegħu sa ma jintemm dak iż-żmien li tkun ħallast għalih.  Wara li jiskadi ż-żmien li tkun ħallast għalih, se nneħħulek il-possibbiltà li taċċessa u tuża kwalunkwe faċilità li nkunu tajniek bħala parti mill-Abbonament bil-Ħlas tiegħek (fosthom kull kontenut jew informazzjoni li nkunu tajniek b'rabta ma' xi faċilità bħal din). Jekk tinsab ġewwa l-Unjoni Ewropea, in-Norveġja jew fir-Renju Unit u tikkanċella Abbonament bil-Ħlas matul l-14-il jum biex terġa' taħsibha fejn hu permess skont Taqsima 14, l-Abbonament bil-Ħlas tiegħek jintemm minnufih u ma tkunx tista' tuża l-ebda faċilità jew benefiċċju tiegħu. 

f. Jekk inbiddlu l-prezz tax-xiri għal Abbonament bil-Ħlas, nipprovdulek avviż raġonevoli minn qabel. Kull bidla fil-prezz ta' Abbonament bil-Ħlas tidħol fis-seħħ għalik id-darba li jmiss li jkollok iġġedded l-abbonament wara d-data li nkunu għarrafniek bil-bidla. Jekk ma taqbilx ma' xi bidla fil-prezz, għandek tikkanċella l-Abbonament bil-Ħlas tiegħek qabel il-prezz il-ġdid jidħol fis-seħħ. 

ġ. Il-lista kurrenti tal-faċilitajiet u tal-benefiċċji li tagħtik Snapchat+ tinsab fil-paġna tal-għajnuna ta' Snapchat+ tagħna, għalkemm dawn il-faċilitajiet u l-benefiċċji huma suġġett għall-bidlaskont Taqsima 10 ta' dar-Regoli. 

ħ. Jekk tingħata aċċess għall-Abbonament bil-Ħlas bħala membru tal-pakkett Ħbieb u Familja mixtri minn xi utent ieħor, l-aċċess tiegħek għall-Abbonament bil-Ħlas se jitneħħa jekk sid il-kont ewlieni jneħħik minn dak il-grupp, jikkanċella l-abbonament tal-pakkett Ħbieb u Familja jew jagħlaq jew nagħlqulu l-kont tiegħu.

Fi ftit kliem: L-Abbonamenti bil-Ħlas jagħtuk aċċess għal faċilitajiet, sistemi u benefiċċji li maż-żmien jistgħu jinbidlu. Il-pagamenti jiġġeddu awtomatikament, sakemm ma tagħżilx li tikkanċella l-abbonament. Meta tixtri Abbonament bil-Ħlas, tkun qed tagħti permess li l-pagamenti jiġġeddu awtomatikament bl-użu tal-metodu oriġinali tal-pagament li kont użajt għax-xirja inizjali tal-abbonament tiegħek.

4. Snapstreak Restore u servizzi diġitali oħra li jitwettqu minnufih

a. Snapstreak Restore hu servizz diġitali li jista' jinxtara għar-restawr ta' Snapstreak li tkun skadiet. Il-kunsinna u l-prestazzjoni ta' kull Snapstreak Restore jiġi komplut minnufih wara x-xiri u l-ipproċessar tal-ħlas u għalhekk ma jistgħux jiġu kkanċellati. 

b. Kwalunkwe servizz diġitali ieħor li minn żmien għal żmien isir disponibbli minn Snap u li jitwettaq bis-sħiħ minnufih wara li jinxtara u wara l-ipproċessar tal-ħlas ukoll ma jistax jiġi kkanċellat.

5. Kontenut Diġitali

Aħna nistgħu nagħmlu l-kontenut diġitali disponibbli għax-xiri permezz tas-Servizzi. Se nibdew nipprovdu l-kontenut diġitali minnufih wara li x-xirja tiegħek tkun kompluta u, għalhekk, dawn ix-xirjiet ma jistgħux jiġu kkanċellati.

6. Promozzjonijiet

a. Aħna jew l-imsieħba tagħna nistgħu kultant noffrulek aċċess għal Faċilitajiet bil-Ħlas fuq bażi promozzjonali (pereżempju, mingħajr ħlas jew b'rata mraħħsa għal perjodu limitat ta' żmien) dment li int tkun tissodisfa ċerti rekwiżiti ta' eliġibbiltà kif iddeterminati minn Snap jew mill-imsieħba tagħna ("Offerta Promozzjonali"). Nistgħu wkoll nagħmlu Offerti Promozzjonali disponibbli għalik meta ċerti avvenimenti jseħħu jew billi nitolbuk tieħu ċerti azzjonijiet. Int taqbel li:

  • kull limitazzjonijiet u kundizzjonijiet oħra marbuta mal-Offerta Promozzjonali se jitqiegħdu minn Snap jew l-imsieħba tagħna, kif jidhrilna aħna biss u se jingħatawlek biss meta tixgħel jew issarraf l-Offerta Promozzjonali jew meta tirċievi messaġġ dwar l-Offerta Promozzjonali mingħand Snap jew l-imsieħba tagħna;

  • l-Offerti Promozzjonali se jintużaw għall-għan maħsub u għandhom jintużaw b'mod legali; 

  • Snap għandha l-jedd li tillimita jew tneħħi d-disponibbiltà ta' kwalunkwe Offerta Promozzjonali meta jidhrilha hi; u 

  • tirċievi kif tirċievi l-Offerta Promozzjonai, l-użu tiegħek hu suġġett għal dawn ir-Regoli tal-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap.

b. Meta tkun attivajt Offerta Promozzjonali (bħal prezz imraħħas jew prova b'xejn) għal Abbonament bil-Ħlas, wara li jiskadi l-perjodu ta' kwalunkwe Offerta Promozzjonali li int tagħżel li tibbenefika minnha, awtomatikament tinqeleb għall-Abbonament bil-Ħlas li tkun għażilt meta aċċettajt l-Offerta Promozzjonali u l-metodu ta' ħlas magħżul minnek jiġi ddebitat għall-Abbonament bil-Ħlas sħiħ, sakemm ma tikkanċellax skont dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap.  GĦALHEKK, TRID TIFTAKAR TIKKANĊELLA L-OFFERTA PROMOZZJONALI TIEGĦEK GĦAL ABBONAMENT BIL-ĦLAS SKONT DAWN IR-REGOLI DWAR IL-FAĊILITAJIET BIL-ĦLAS TA' SNAP QABEL MA TISKADI L-OFFERTA SPEĊJALI; INKELLA, INT TAWTORIZZA LILNA JEW LILL-FORNITUR TAX-XIRI TIEGĦEK BIEX NIDDEBITAW IL-KARTA TAL-KREDITU TIEGĦEK JEW METODU TA' ĦLAS MAGĦŻUL IEĦOR IT-TARIFFI SĦAĦ GĦALL-PERJODU/I TA' ĦLAS LI ĠEJJIN SAKEMM INT TIKKANĊELLA L-ABBONAMENT BIL-ĦLAS TIEGĦEK SKONT DAWN IR-REGOLI DWAR IL-FAĊILITAJIET BIL-ĦLAS TA' SNAP. 

Fi ftit kliem: Għalkemm Snap tista' tħallik tuża l-Faċilitajiet bil-Ħlas bla ħlas jew bi prezz imraħħas, żomm f'moħħok li jekk l-Offerta Promozzjonali li tkun qed tuża hija marbuta ma' Abbonament bil-Ħlas, meta jgħaddi żmien l-abbonament li jaqa' taħt l-offerta, se niġbru l-flus awtomatikament biex inġeddulek l-abbonament.

7. Il-politika tagħna dwar il-kanċellazzjoni u l-ħlas lura

a. Il-bejgħ kollu hu finali u ma noffru l-ebda ħlas lura jew krediti ħlief jekk ikun meħtieġ bil-liġi applikabbli jew kif msemmi bi kwalunkwe mod ieħor f'dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap. Jekk int konsumatur li tinsab fl-Unjoni Ewropea, in-Norveġja jew ir-Renju Unit, jista' jkollok dritt legali li tikkanċella x-xiri ta' Funzjoni bil-Ħlas u li tirċievi ħlas lura parzjali jew sħiħ matul perjodu inizjali ta' 14-il jum biex terġa' taħsibha. Jekk jogħġbok ara t-Taqsima 14 għal aktar dettalji dwar kif u meta dan id-dritt japplika u dwar kwalunkwe limitazzjoni jew esklużjoni li jistgħu japplikaw.

b. Snap għandha l-jedd li minnufih tissospendi, ma tkomplix tagħti jew ittemm, kompletament jew le, l-aċċess tiegħek għall-Faċilitajiet bil-Ħlas meta jidhrilha hi u għal liema raġuni li jidhrilha hi, u minn jeddha, mingħajr ma tgħarrfek minn qabel u mingħajr l-ebda responsabbiltà lejk, inkluż, mingħajr limitazzjoni, meta:  

  • tikser dawn ir-Regoli tal-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap, intemmu jew nissospendu l-kont ta’ Snapchat tiegħek jew jekk naħsbu li int involut f'użu llegali jew frawdolenti tas-Servizzi (flimkien ma' kwalunkwe azzjoni korrettiva li jista jkollna fil-liġi jew f'ekwità);

  • Snap tkun meħtieġa tagħmel hekk minn xi qorti, awtorità jew aġenzija tal-ordni bis-setgħat meħtieġa jew jekk Snap tqis li jekk tkompli tagħtik il-Faċilità bil-Ħlas, Snap tkun qed tqiegħed lilha nnifisha f'sitwazzjoni legali riskjuża jew inċerta;

  • meta tagħmel hekk hu meħtieġ għall-ħarsien, integrità u/jew is-sigurtà tas-Servizzi tagħna: jew

  • id-dispożizzjoni tagħna tal-Faċilitajiet bil-Ħlas (kollha jew parti minnhom) għalik ma jkunux għadhom jagħmlu sens kif ddeterminat minn Snap.

ċ. Ħlief kif meħtieġ bil-liġijiet applikabbli, fil-każ fejn aħna nissospendu, ma nkomplux jew nikkanċellaw l-aċċess għal Faċilità bil-Ħlas tiegħek, l-ebda ħlas lura m'hu se jiġi provdut għal kwalunkwe Faċilità bil-Ħlas mhux użati assoċjati mal-kont tiegħek jew kwalunkwe parti tal-bqija tal-perjodi ta' Abbonamenti bil-Ħlas. 

d. Meta trid tista' tikkanċella Abbonament bil-Ħlas skont ir-regoli ta' Taqsima numru 3. 

e. Snap ma tagħti ebda ħarsien kontra l-bidla fil-prezz jew ħlasijiet lura jekk il-prezz jonqos, jorħas jew jekk nagħtu xi offerta speċjali li twassal biex il-prezz ta' xi Faċilità bil-Ħlas li tkun diġà xtrajt jorħos. 

Fil-qosor: Il-bejgħ kollu hu finali u ma noffru l-ebda ħlas lura jew krediti ħlief kif meħtieġ bil-liġi applikabbli jew kif imsemmi bi kwalunkwe mod ieħor f'dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap (fosthom it-Taqsima 14). Għandna d-dritt ukoll li nissospendu jew ntemmu l-aċċess tiegħek fejn tkun għamilt xi ħaġa ħażina jew jekk iċ-ċirkostanzi jinbidlu sinifikament.

8. Messaġġi mingħandna

a. Nistgħu nibagħtulek notifiki elettroniċi dwar kwalunkwe Faċilità bil-Ħlas li int tkun xtrajt u dwar dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap, inkluż dwar faċilitajiet ġodda tal-Faċilitajiet bil-Ħlas tagħna, u bidliet oħra fihom, fuq l-indirizz tal-email jew in-numru tal-mowbajl użat biex tirreġistra għall-kont tiegħek, permezz ta' notifiki fl-applikazzjoni, notifiki tat-Tim ta' Snapchat jew b'mezzi elettroniċi oħra. Billi tixtri Faċilità bil-Ħlas, jew billi tuża Faċilità bil-Ħlas, int tagħti l-kunsens tiegħek biex tirċievi mingħand Snap u l-imsieħba tagħna l-komunikazzjonijiet elettroniċi spjegati f'dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap.

b. Int taqbel li kull ftehim, kull avviż, informazzjoni u komunikazzjoniet kollha oħra li nipprovdulek b'mod elettroniku Jissodisfaw kull obbligu legali bħallikieku dawn il-komunikazzjoniet ikunu bil-miktub.

Fil-qosor: Oqgħod attent għal-messaġġi dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas tiegħek u dwar dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap.

9. Restrizzjonijiet fuq ix-xiri u l-użu

Minbarra r-restrizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tas-Servizz ta' Snap, int taqbel li: (a) il-Faċilitajiet bil-Ħlas mhumiex trasferibbli lil xi kont jew utent ieħor tas-Servizzi, li jfisser li x-xirja tiegħek tapplika unikament għall-kont li tkun qed tuża meta tixtri l-Faċilità bil-Ħlas; (b) int ma tistax tħalli lil ħaddieħor juża l-kont tiegħek biex jaċċessa kwalunkwe Faċilità bil-Ħlas; (c) int ma xtrajtx u lanqas ma użajt, u m'intix se tixtri u lanqas m'int se tuża l-Faċilitajiet bil-Ħlas għal kwalunkwe skop ieħor ħlief dak li hu permess minn dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap u r-Regoli tas-Servizz ta' Snap; (d) int ma tinsabx f'pajjiż ristrett fejn ix-xiri u l-użu tal-Faċilitajiet bil-Ħlas mhumiex permessi; (e) int m'intix se tuża xi karta tal-ħlas jew forma oħra ta' ħlas biex tixtri Faċilità bil-Ħlas sakemm ma jkollokx l-awtorizzazzjoni legali neċessarja kollha biex tagħmel dan; (f) la int u, jekk int negozju, lanqas kwalunkwe kumpanija imsieħba, ma intom inklużi f'xi waħda mil-listi ta' partijiet ristretti li jżomm il-Gvern tal-Istati Uniti - inklużi l-iSpecially Designated Nationals List u l-Foreign Sanctions Evaders List amministrati mill-Office of Foreign Asset Control ("OFAC") tad-Department of Treasury tal-Istati Uniti u d-Denied Parties List, l-Unverified List u l-Entity List miżmuma mill-Bureau on Industry and Security tad-Department of Commerce tal-Istati Uniti - jew minn kwalunkwe awtorità governattiva fil-pajjiżi fejn toperaw; (g) jekk int negozju, la int proprjetà u lanqas ikkontrollat minn parti ristretta bħal din; u (ħ) li la tinsab, la int residenti u lanqas int inkorporat skont il-liġijiet ta' xi pajjiż li, skont l-OFAC jew sanzjonijiet oħra li obbligati nimxu magħhom, ma nistgħux ninnegozzjaw miegħu. 

Fi ftit kliem: Hemm xi regoli li neħtiġuk timxi magħhom biex tkun tista' tixtri u tuża Faċilità bil-Ħlas.

10. Bidliet fil-Faċilitajiet bil-Ħlas u fil-prezzijiet

a. Minn żmien għal żmien, Snap tista' timmodifika, tirrevedi jew tbiddel l-ispeċifikazzjonijiet, il-kontenut, il-prezzijiet, id-deskrizzjonijiet, il-benefiċċji jew il-faċilitajiet ta' kwalunkwe Faċilità bil-Ħlas u tissospendi, jew twaqqaf id-disponibbiltà ta' kwalunkwe Faċilità bil-Ħlas, inkluż kwalunkwe faċilità, kontenut jew benefiċċju relatati mingħajr ma tagħtik avviż, mingħajr ħlas lura jew mingħajr responsabbiltà lejk fi kwalunkwe ħin u għal kwalunkwe raġuni. Kwalunkwe deskrizzjoni, speċifikazzjoni jew prezz tal-Faċilitajiet bil-Ħlas li nagħmlulek disponibbli jistgħu wkoll ikunu suġġett għal bidla biex jirriflettu kwalunkwe aġġornament li nkunu għamilna f'Faċilità bil-Ħlas u, għaldaqstant, nitolbuk tirrevedi dawn ir-riżorsi ta' spiss. Jekk m'intix kuntent(a) bi kwalunkwe reviżjoni li nagħmlu fi kwalunkwe deskrizzjoni, speċifikazzjoni jew prezz, għandek tieqaf tuża l-Faċilità bil-Ħlas. 

b. Jekk inbiddlu l-prezz għal Abbonament bil-Ħlas, nipprovdulek avviż raġonevoli minn qabel. Kwalunkwe bidla fil-prezz għal Abbonament bil-Ħlas tidħol fis-seħħ mill-bidu tal-perjodu tal-abbonament li jkun imiss wara d-data li fiha nkunu avżajniek. Jekk ma taqbilx ma' kwalunkwe bidla fil-prezz bħal din, għandek id-dritt li tikkanċella l-Abbonament bil-Ħlas tiegħek qabel il-bidla fil-prezz, kif stabbilit fit-Taqsima 3. Il-bidliet fil-prezz applikati għal kwalunkwe Faċilità bil-Ħlas oħra mhux se jaffettwaw kwalunkwe ordni li diġà tkun għamilt għal dik il-Faċilità bil-Ħlas.

c. Jaf ikollna bżonn naġġornaw dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap biex jirriflettu kwalunkwe bidla fil-Faċilitajiet bil-Ħlas tagħna jew kif nipprovduhom, kif ukoll biex jikkonformaw mal-obbligi legali, jew għal kwalunkwe raġuni legali jew raġuni relatata mas-sigurtà oħra. Jekk dawk il-bidliet fir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap ikunu materjali, aħna nipprovdulek avviż raġonevoli bil-quddiem (sakemm il-bidliet ma jkunux meħtieġa li jsiru qabel, pereżempju, minħabba bidla fl-obbligi legali jew meta nkunu se noħorġu Servizzi jew faċilitajiet ġodda). Jekk tkompli tuża l-Faċilitajiet bil-Ħlas wara li dawk il-bidliet jidħlu fis-seħħ, aħna nqisu li int tkun aċċettajt dawk il-bidliet. Jekk fi kwalunkwe ħin ma taqbilx ma' kwalunkwe bidla f'dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap, għandek tieqaf tuża kwalunkwe Faċilità bil-Ħlas li tkun xtrajt. 

Fil-qosor: Il-Faċilitajiet bil-Ħlas u l-prezz li nitolbu għalihom jistgħu jinbidlu fi kwalunkwe ħin u għal kwalunkwe raġuni, għad li dan mhux se jaffettwa l-prezz tal-perjodu ta' abbonament kurrenti tiegħek jew l-ordni tiegħek għal kwalunkwe Faċilità bil-Ħlas oħra li ssir qabel ma tidħol fis-seħħ il-bidla fil-prezz. Jista' jkun ukoll li naġġornaw dawn ir-regoli maż-żmien, u jekk ma taqbilx ma' xi wieħed minn dawk l-aġġornamenti, għandek tieqaf tuża l-Faċilitajiet bil-Ħlas minnufih. Jekk ikun hemm bidliet materjali, aħna ngħidulek minn qabel.

11. Disponibbiltà u żbalji

a. Filwaqt li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex niddeskrivu l-prodotti u s-servizzi tagħna bl-iktar mod preċiż possibbli, ma nagħtux garanzija li d-deskrizzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet jew il-prezzijiet għall-Faċilitajiet bil-Ħlas tagħna huma kompluti, preċiżi, attwali jew kompletament ħielsa minn żbalji. Jekk ikun hemm żball fil-prezz jew f'deskrizzjoni jew fi speċifikazzjoni għal Faċilità bil-Ħlas, l-uniku rimedju tiegħek hu li tieqaf tuża l-Faċilità bil-Ħlas rilevanti jew li tikkanċella l-Abbonament bil-Ħlas rilevanti. Għandna d-dritt li nirrifjutaw jew nikkanċellaw l-ordni tiegħek bid-diskrezzjoni unika tagħna jekk ikun hemm żball f'xi prezz jew f'xi speċifikazzjoni. 

b. SAKEMM IL-LIĠI MA TITLOBX XORTA OĦRA, SNAP MA TAGĦTIX GARANZIJA LI XI FAĊILITÀ BIL-ĦLAS JEW XI FAĊILITÀ, KONTENUT, BENEFIĊĊJU JEW SISTEMA MARBUTA MA' FAĊILITÀ BIL-ĦLAS SE TKUN DEJJEM DISPONIBBLI JEW F'XI ĦIN PARTIKOLARI, LI SE TAĦDEM KIF SUPPOST JEW LI SNAP SE TIBQA' TAGĦTI AĊĊESS GĦAL FAĊILITÀ BIL-ĦLAS JEW GĦAL XI FAĊILITÀ, KONTENUT, BENEFIĊĊJU JEW SISTEMA MARBUTA MA' FAĊILITÀ BIL-ĦLAS GĦAL XI TUL TA' ŻMIEN.

Fil-qosor: Ma nwegħdux li l-Faċilitajiet bil-Ħlas se jkunu disponibbli l-ħin kollu, u nagħmlu mill-aħjar li nistgħu biex niddeskrivu l-Faċilitajiet bil-Ħlas bi preċiżjoni. Jekk ma tkunx kuntent(a) b'kif tkun ġiet deskritta Faċilità bil-Ħlas, tista' tieqaf tużaha.

13. L-aħħar regoli

a. Dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap inkitbu bl-Ingliż u jekk il-verżjoni ta' dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap maqluba b'xi lsien ieħor ma jaqblux mal-verżjoni bl-Ingliż, il-verżjoni bl-Ingliż għandha titqies dik it-tajba.

b. It-Taqsimiet 2-7 u 12-14 ta' dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap se jibqgħu fis-seħħ, anki jekk dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap jiskadu jew jintemmu.

Fi ftit kliem: Il-kuntratt tagħna miegħek għal dar-regoli huwa bl-ilsien Ingliż. Xi regoli se jibqgħu fis-seħħ anki wara li l-kuntratt ta' bejnietna ma jkunx għadu fis-seħħ. 

13. Ikkuntattjana

Snap tilqa' kummenti, mistoqsijiet, tħassib u suġġerimenti. Jekk jogħġbok ibgħatilna l-kummenti u ħsibijiet billi żżur il-paġna tagħna ta' Appoġġ ta' Snapchat imma jekk tixtieq tgħaddi kummenti u ħsibijiet jew suġġerimenti minn jeddek, jekk jogħġbok nixtiequ ninfurmawk li aħna nistgħu nużaw l-ideat tiegħek mingħajr ma nagħtuk kumpens. Jekk tixtieq tikkuntattjana b'xi lment, kummenti u ħsibijiet jew jekk għandek xi mistoqsija dwar dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap:

  • Jekk tgħix ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka, l-indirizz tal-posta tagħna huwa: Snap Inc., 3000 31st St., Suite C, Santa Monica, California 90405.

  • Jekk tgħix fir-reġjun Asja-Paċifiku, l-indirizz tal-posta tagħna hu: Snap Group Limited Singapore Branch, #16-03/04, 12 Marina Boulevard, Marina Bay Financial Centre Tower 3, 018982, Singapore. UEN: T20FC0031F. VAT ID: M90373075A.

  • Jekk tgħix barra l-Istati Uniti tal-Amerka u barra r-reġjun Asja-Paċifiku, l-indirizz tal-posta tagħna hu: Snap Group Limited, kumpanija reġistrata ġewwa l-Ingilterra bl-uffiċċju tagħha ġewwa 50 Cowcross Street, Floor 2, London, EC1M 6AL, United Kingdom, bin-numru tal-kumpanija: 09763672. Rappreżentant awtorizzat: Ronan Harris, Direttur. Numru tal-VAT: GB 237218316.

Fil-qosor: Tista' tikkuntattjana u dejjem nieħdu pjaċir li nisimgħu mill-utenti tagħna. imma jekk tagħzel li tipprovdi xi kummenti u ħsibijiet jew suġġerimenti, żomm f'moħħok li nistgħu nużaw l-ideat tiegħek mingħajr ma nagħtuk kumpens.

14. Regoli speċifiċi għall-pajjiżi

Jekk tgħix f'xi wieħed mill-pajjiżi msemmija hawn taħt meta tixtri Faċilità bil-Ħlas, dawn ir-regoli miżjuda għal dak il-pajjiż jgħoddu għalik. 

Ir-Renju Unit, l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja:

Drittijiet ta' Kanċellazzjoni

Jekk jogħġbok nixtiequ ninfurmawk li l-mod kif tikkanċella u d-drittijiet ta' kanċellazzjoni tiegħek jistgħu jkunu differenti minn dawk stabbiliti f'din it-taqsima jekk xtrajt il-Faċilità bil-Ħlas tiegħek permezz ta' Fornitur terz tax-Xiri (eż. ħanut tal-applikazzjonijiet). F'każ bħal dan, ix-xirja tiegħek tkun suġġetta għar-regoli u l-kundizzjonijiet tax-xiri tagħhom, u allura jekk jogħġbok aqra l-istruzzjonijiet dwar il-kanċellazzjoni pprovduti lilek mill-Fornitur tax-Xiri tiegħek bir-reqqa biex taċċerta ruħek li tifhem kif u meta tkun tista' tikkanċella.

Jekk int konsumatur residenti fir-Renju Unit, fl-Unjoni Ewropea jew fin-Norveġja, għall-biċċa l-kbira tal-Faċilitajiet bil-Ħlas int għandek id-dritt legali li tbiddel fehemtek u tikkanċella l-kuntratt għax-xirja tiegħek fi żmien 14-il jum mid-data tax-xiri tiegħek (il-"Perjodu Meta Tista' Tibdel Fehmtek"). Pereżempju, jekk int tagħmel xirja fl-ewwel jum tax-xahar, il-Perjodu Meta Tista' Tibdel Fehmtek jintemm fi tmiem il-15-il jum tax-xahar. Jekk jogħġbok nixtiequ ninfurmawk li dan id-dritt legali li tikkanċella ma japplikax għall-Faċilitajiet bil-Ħlas kollha. Aktar dettalji dwar il-limitazzjonijiet u l-esklużjonijiet li japplikaw jistgħu jinstabu iktar 'il quddiem f'din it-taqsima.

Biex teżerċita d-dritt tiegħek li tikkanċella, trid tinfurmana bid-deċiżjoni tiegħek permezz ta' dikjarazzjoni ċara, bħal b'email, bil-posta jew permezz ta' paġna online tal-assistenza (ara t-Taqsima 14 għad-dettalji ta' kuntatt tagħna). Tista' tuża l-formola ta' kanċellazzjoni disponibbli hawn taħt, iżda l-aktar mod faċli biex tikkanċella hu li ssegwi l-istruzzjonijiet dwar il-kanċellazzjoni pprovduti fi Snapchat.

M'għandekx id-dritt li tbiddel fehemtek u tikkanċella l-kuntratt jekk: (i) int tkun tajtna l-kunsens biex nibdew nipprovdu l-kontenut diġitali matul il-Perjodu Meta Tista' Tibdel Fehmtek, u aħna fil-fatt inkunu bdejna nipprovdu l-kontenut diġitali matul dan il-perjodu; jew (ii) int tkun tlabtna biex nibdew nipprovdu s-servizzi diġitali matul il-Perjodu Meta Tista' Tibdel Fehmtek u s-servizzi diġitali jkunu ġew ipprovduti bis-sħiħ matul dan il-perjodu. 

Il-jedd legali li tikkanċella ordni tal-Faċilitajiet bil-Ħlas jgħodd hekk:

  • Abbonamenti bil-Ħlas: Snapchat+ u Abbonamenti bil-Ħlas oħra huma servizzi diġitali. Tista' tikkanċella Abbonament bil-Ħlas matul il-Perjodu Meta Tista' Tibdel Fehmtek. Jekk tagħmel dan, int tirċievi ħlas lura parzjali tal-prezz li tkun ħallast għall-abbonament, li jiġi kkalkulat prorata fuq il-bażi ta' kemm-il jum ta' użu jkun għadda matul il-perjodu tal-abbonament rilevanti. Pereżempju, jekk tikkanċella sebat ijiem minn meta jibda abbonament ta' kull xahar, inroddulek lura l-ħlas lura tal-abbonament ta' xahar li tkun ħallast u li minnha titnaqqas somma ekwivalenti għall-użu ta' sebat ijiem. Jekk tgħix fir-Renju Unit: (i) jekk għandek perjodu ta' prova b'xejn jew bi skont fil-bidu, jibda japplika Perjodu Meta Tista' Tibdel Fehmtek ġdid meta l-abbonament jaqleb għal Abbonament bil-Ħlas bi prezz sħiħ; u (ii) jekk għandek Abbonament bil-Ħlas annwali, japplika Perjodu Meta Tista' Tibdel Fehmtek ġdid għal kwalunkwe tiġdid annwali awtomatiku. F'kull każ, il-Perjodu Meta Tista' Tibdel Fehmtek il-ġdid jibda fil-jum li fih jibda l-abbonament jew it-tiġdid bil-prezz sħiħ u jintemm 14-il jum wara (eż. jekk id-data tal-bidu tkun l-1 ta' Jannar, id-data tat-tmiem tkun il-15 ta' Jannar).

  • Snapstreak Restores u servizzi diġitali simili: Snapstreak Restore hu servizz. Ma jistax jiġi kkanċellat għax is-servizz (ir-riattivazzjoni tas-Snapstreak tiegħek) jiġi komplut minnufih wara x-xiri. L-istess japplika għal servizzi diġitali oħra li jitwettqu bis-sħiħ minnufih wara x-xiri.

  • Kontenut diġitali: Ix-xirjiet ta' kontenut diġitali ma jistgħux jiġu kkanċellati. Meta tixtri kontenut diġitali, tkun qed tagħtina l-kunsens biex nibdew nipprovdu l-kontenut diġitali minnufih.

Jekk ikollok il-jedd tieħu flusek lura, se nħallsuk flusek lura fuq l-istess metodu tal-pagament li tkun użajt biex tħallas fi żmien 14-il jum minn meta niġu mgħarrfa bil-kanċellazzjoni tiegħek. 

Formola għall-Kanċellazzjoni

Lil Snap Group Limited,

Indirizz: Snap Group Limited 50 Cowcross Street, Floor 2, London, EC1M 6AL, United Kingdom jew Ikkuntattjana: hawn.

Jien/Aħna [*] b'dal-mod nagħti/u notifika / avviż li jien/aħna [*] nikkanċella/aw il-kuntratt ta' bejgħ [*] tiegħi/tagħna għall-oġġetti li ġejjin [*]/għall-għotja tas-servizz li ġej [*],

Ordnat f'did-data: [*]/miksub f'did-data: [*],

Isem il-konsumatur(i),

Indirizz tal-konsumatur(i),

Firma tal-konsumatur(i) (provdut li dil-formola hi ddikjarata bil-miktub),

Data

[*] Ħassar kif xieraq

Il-Belġju (minbarra dawk imsemmija f'“Ir-Renju Unit, l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja” hawn fuq):

Meta r-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap jirreferu għad-dritt ta' Snap li minnufih tissospendi, twaqqaf jew ittemm l-aċċess tiegħek għal Faċilità bil-Ħlas, mingħajr avviż minn qabel jew obbligazzjoni fir-rigward tiegħek, dan jikkostitwixxi terminazzjoni unilaterali tal-ftehim tagħna miegħek mingħajr intervent minn qabel ta' qorti jew ta' tribunal.

Franza (minbarra dawk imsemmija f'“Ir-Renju Unit, l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja” hawn fuq):

Skont il-Code de la Consommation, int intitolat għall-medjazzjoni għall-konsumaturi biex issolvi tilwim bejnietna. Tista' tagħżel xi ħadd mill-medjaturi msemmija f'dil-lista http://www.economie.gouv.fr/mediation-conso/saisir-mediateur fit-taqsima “Commerce électronique - Vente à distance”. Id-dettalji ta' kif tikkuntattjahom huma disponibbli fuq is-siti ndividwali tal-medjaturi ddokumentati hemm.

Il-Ġermanja (flimkien ma' dawk stabbiliti taħt “Ir-Renju Unit, l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja” iktar-il fuq):

L-ebda ħaġa f'dawn ir-Regoli tal-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap ma tolqot il-jeddijiet u l-kumpensi legali mogħtija lilek b'obbligazzjoni skont il-liġi Ġermaniża, fosthom id-dispożizzjonijiet tal-liġi Ġermaniża marbuta mal-prodotti diġitali u s-servizzi diġitali skont Artiklu 327 pp. tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (BGB) u d-dispożizzjoni dwar ir-regoli u l-kundizzjonijiet ġenerali skont Artikli 305 pp. Kodiċi Ċivili Ġermaniż (BGB) (kull wieħed kif emendat jew sostitwit minn żmien għal żmien).

L-Olanda (flimkien ma' dawk stabbiliti taħt “Ir-Renju Unit, l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja” iktar-il fuq):

L-ebda ħaġa f'dawn ir-Regoli tal-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap m'hu ħa taffettwa id-drittijiet u l-kumpensi legali u/jew disponibbli għalik b'obbligazzjoni skont il-liġi Olandiża, inkluż, bla limitazzjoni, il-klawżoli marbuta mal-kontenut diġitali u s-servizzi diġitali skont artikli 7:50aa - 50 ap tal-Kodiċi Ċivili Olandiż u r-regoli u kundizzjonijiet ġenerali skont artikli 6:231-247 tal-Kodiċi Ċivili Olandiż.

Ir-Renju Unit (flimkien ma' dawk imsemmija f'“Ir-Renju Unit, l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja” hawn fuq):

Xejn f'din it-taqsima jew f'dawn ir-Regoli dwar il-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap ma jaffettwa d-drittijiet legali tiegħek b'rabta ma' kwalunkwe Faċilità bil-Ħlas li ma tissodisfax l-obbligi tal-kuntratt jew tikser il-liġijiet tal-konsumatur tar-Renju Unit bħall-Consumer Rights Act 2015. Dan ikun il-każ, pereżempju, meta jkunu difettużi jew deskritti ħażin. Għandna dmir legali li nipprovdu Faċilitajiet bil-Ħlas li jirrispettaw il-kuntratt. Jekk temmen li hemm xi ħaġa ħażina bi kwalunkwe Faċilità bil-Ħlas li tkun xtrajt, jekk jogħġbok ikkuntattjana billi tuża d-dettalji ta' kuntatt fit-Taqsima 13. Għal informazzjoni dettaljata dwar id-drittijiet tal-konsumatur tiegħek, jekk jogħġbok żur is-sit web Citizens Advice fuq www.adviceguide.org.uk jew ċempel fuq 0808 223 1133.