JEKK JOGĦĠBOK ŻOMM F'MOĦĦOK: AĠĠORNAJNA DAWN IR-REGOLI TAL-PAGAMENTI, LI JIDĦLU FIS-SEĦĦ MILL-1 TA' APRIL 2024. MINN HAWN TISTA' TAQRA R-REGOLI TAL-PAGAMENTI TA' QABEL, LI JGĦODDU GĦALL-UTENTI KOLLHA SAL-31 TA' MARZU 2024.
Regoli tal-Pagamenti
Fis-seħħ minn: 1 ta’ April 2024
AVVIŻ DWAR L-ARBITRAĠĠ: INT MARBUT/A BID-DISPOŻIZZJONI TAL-ARBITRAĠĠ SKONT IR-REGOLI TAS-SERVIZZI TAN-NEGOZJU. JEKK QED TAGĦMEL KUNTRATT MA' SNAP INC., INT U SNAP INC. TIRRINUNZJAW KWALUNKWE DRITT LI TIPPARTEĊIPAW F'AZZJONI TA' KAWŻA LEGALI KOLLETTIVA JEW ARBITRAĠĠ KOLLETTIV.
Dawn it-Regoli tal-Pagamenti huma ftehim b'rabta legali bejnek u bejn Snap, huma fis-seħħ għall-ħlasijiet kollha marbuta mas-Servizzi għan-Negozju u huma parti mir-Regoli tas-Servizzi għan-Negozju. Jekk l-entità li qed tuża s-Servizzi għan-Negozju qed tagħmilha ta' aġent għal entità oħra, allura dil-entità se titqies bħala r-“Reklamatur” f'dawn it-Regoli tal-Pagamenti. Fir-Regoli tas-Servizzi tan-Negozju tista' ssib it-tifsira ta' wħud mit-termini użati f'dawn it-Regoli tal-Pagamenti.
Fi ftit kliem: Dawn it-termini huma ftehim b'rabta legali u jgħoddu għall-ħlasijiet kollha li tħallas lil Snap għas-Servizzi għan-Negozju.
a. Sakemm ma nkunux għarrafniek mod ieħor, il-ħlas mitlub minn Snap jew l-imsieħba tagħha għal kull riklam imtella' fil-portal għas-Servizzi tan-Negozju se jinħadem biss skont il-kejl ta' Snap. Jekk il-flus jintalbu minn imsieħeb ta' Snap, kwalunkwe referenza għal “Snap” f'dit-taqsima, tkun qed tirreferi għal dak l-imsieħeb.
b. Jekk ikollok tħallas xi taxxi jew tariffi marbuta ma' ordni li tkun għamilt mill-portal għas-Servizzi tan-Negozju, Snap tista' tiġbor il-flus għal dawk it-taxxi u t-tariffi (li kollha flimkien jissejħu “Tariffi”) flimkien mal-valur tal-ordni, u int taqbel li tħallas it-Tariffi bil-prezz fis-seħħ meta dawn it-Tariffi jkunu nħadmu. Jekk hemm xi taxxi marbuta ma' ordni (fosthom taxxi fuq il-valur miżjus jew taxxi fuq il-prodotti u s-servizzi) u int jew ir-Reklamatur tkunu suġġett għal ħlas bil-Liġi li obbigati timxu magħha u tirrappurtaw dawk it-taxxi, int u r-Reklamatur taqblu li tħallsu u tirrappurtaw dawk it-taxxi lill-awtorità tat-taxxa x-xierqa. Jekk int jew ir-Reklamatur obbligati żżommu jew tnaqqsu xi taxxi, taqblu li: (a) tħallsu lil Snap id-differenza fil-prezz biex Snap dejjem tirċievi somma netta li tagħmel tajjeb għat-Tariffi mitluba f'kull fattura; u li (b) tibgħatu mingħajr telf ta' żmien u skont ma Snap, b'mod raġjonevoli titlobkom, l-irċevuti fiskali jew il-provi l-oħra mitluba bil-Liġi fis-Seħħ biex turu li int u r-Reklamatur imxejtu mal-obbligu li żżommu jew tnaqqsu dawk it-taxxi.
ċ. Jekk qed tuża l-portal għas-Servizzi tan-Negozju f'isem ir-Reklamatur, jeħtieġlek tagħti numru ta' identifikazzjoni tal-VAT validu jew numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa ieħor tar-Reklamatur jekk Snap titolbok tagħmel hekk.
Fi ftit kliem: Sakemm ma nkunux għarrafniek mod ieħor, il-ħlasijiet għar-riklami kollha mtella' fuq il-portal għas-Servizzi tan-Negozju jinħadmu skont il-kejl ta' Snap. Snap tista' timpona tariffa mingħandek fuq il-miżati, it-taxxi u t-tariffi kollha li obbligat/a tħallas. Int u kull Reklamatur jeħtiġilkom timxu ma' kull liġi marbuta mal-ħlas u mad-denunzja tat-taxxi. Jekk int jew xi Reklamatur jeħtiġilkom iżżommu jew tnaqqsu t-taxxa, lil Snap se tħallsuha s-somma murija fuq il-fatturi u mbagħad għandkom tibagħtu l-irċevuti fiskali u l-provi l-oħra kollha meħtieġa bil-liġi lil Snap.
a. Int tagħti permess lil Snap u l-affiljati tagħha jiksbu d-dettalji dwar l-istorja tal-kreditu tiegħek u tar-Reklamatur minn mill-inqas waħda mill-aġenziji li tiġbor l-istejjer tal-kreditu. Meta trid u minn jeddha, Snap tista' tagħti, tibdel jew tneħħi l-limitu tal-kreditu li tkun tat lilek u lir-Reklamatur tiegħek. Jekk ifeġġ jew jikber il-kreditu li ddejjen lilek jew lir-Reklamatur tiegħek, Snap tista' titolbok ħlas għal kull ħaġa li tordna mill-portal tas-Servizzi għan-Negozju bil-quddiem jew tista' ma tħallikx tixtri iktar servizzi mill-portal tas-Servizzi għan-Negozju.
b. Fattura. Jekk tagħżel li tuża s-Servizzi għan-Negozju u tħallas iktar tard bl-użu ta' kreditu, skont il-limiti mogħtija lilek minn Snap, Snap jew l-imsieħba tagħha se jibagħtulek fattura biex tħallas it-Tariffi kollha. Int taqbel li tħallas it-Tariffi kollha fi żmien ta' 30 jum mid-data li tinħareġ il-fattura.
ċ. Kont tar-Reklami b'Bilanċ Miżmum. Jekk tagħżel li tqiegħed il-flus fil-Kont tar-Reklami b'Bilanċ Miżmum ħalli tużahom biex tixtri r-reklami fil-ġejjieni, sakemm il-liġi fis-seħħ ma tgħidx xorta oħra, dawk il-flus ma jingħatawx lura. Wara li żżid il-flus u tagħżel meta tibda turi r-reklami tiegħek, Snap se tiġbor it-Tariffi mill-Kont tar-Reklami b'Bilanċ Miżmum tiegħek malli dawn ir-riklami jibdew jintwerew. Wara li l-flus li tkun qgħedt fil-Kont tar-Reklami b'Bilanċ Miżmum tiegħek jispiċċaw, qabel terġa' żżid biżżejjed flus fil-Kont tar-Reklami b'Bilanċ Miżmum tiegħek, ir-riklami tiegħek mhux se jibqgħu jintwerew. Mhux se tkun tista' tibdel il-metodu tal-ħlas tal-kont tar-reklami jekk tkun ħloqt dak il-kont tar-reklami bħala Kont tar-Reklami b'Bilanċ Miżmum.
d. Karta tal-Ħlas jew Metodu tal-Ħlas Ieħor. Jekk tagħżel li tħallas b'karta tal-kreditu, xi karta tal-ħlas oħra jew metodu ta' pagament differenti disponibbli fil-portal tas-Servizzi għan-Negozju, tkun qed tagħti permess lil Snap jew lill-pjattaforma tal-ħlasijiet terza ta' Snap jew l-imsieħba tagħha (skont il-każ) biex, meta Snap tkun komda, tiġbor il-flus minn dak il-metodu tal-ħlas bħala ħlas għat-Tariffi, li jistgħu jinġabru minnufih fl-istess ħin li l-ordni tintbagħat. Qabel jiġbru l-flus mill-metodu tal-ħlas li tkun tajt, Snap jew il-pjattaforma tal-ħlasijiet terza tagħha jew l-imsieħba tagħha jistgħu jippruvaw jawtorizzaw il-metodu tal-ħlas tiegħek għal għadd ta' drabi. Kull tant żmien, Snap jew l-imsieħba tagħha jistgħu jaġġornaw id-dettalji tal-metodu tal-ħlas tiegħek bl-użu ta' għodda ta' aġġornament fil-karti tal-ħlas.
Int tagħti permess lil Snap, lill-imsieħba tagħha, jew lill-pjattaforma tal-ħlasijiet terza msieħba magħha li jaħżnu d-dettalji tal-ħlas tiegħek, flimkien mal-bidliet magħmulin minn żmien għall-żmien u, jekk ikun meħtieġ, li jkomplu jiġbru l-flus mill-metodu tal-ħlas tiegħek sakemm Snap twettaq l-ordni kollha li tkun għamilt fil-portal tas-Servizzi għan-Negozju.
Jekk Snap ma tiksibx il-ħlas mill-kumpanija li tkun ħariġtlek il-karta tal-ħlas, l-aġenti tagħha, jew mill-metodu tal-ħlas sekondarju tiegħek, int xorta tkun obbligat/a tħallas lil Snap għall-ordnijiet kollha li tkun wettqitlek u taqbel li tħallas kull somma li għandek tħallas malli Snap jew l-aġenti jew l-imsieħba tagħha jitolbuk tagħmel hekk.
INT OBBLIGAT/A TĦALLAS IL-FLEJJES KOLLHA MITLUBA MILL-METODU TAL-ĦLAS TIEGĦEK, ANKI JEKK IKUNU NTEFQU MINGĦAJR IL-PERMESS TIEGĦEK.
e. Responsabbiltà Msensla. Jekk qed tuża l-portal tas-Servizzi għan-Negozju bħala aġent f'isem ir-Reklamatur, Snap tista' ssensel responsabbiltà legali bejnek u bejn ir-Reklamatur. Jekk jiġri hekk, Snap tista' żżommok responsabbli għat-Tariffi minħabba l-fatt li tkun ksibt xi dħul mir-Reklamatur għal kull xirja li tagħmel f'isem dak ir-Reklamatur. Ir-Reklamatur jaqbel li jagħmel tajjeb għat-Tariffi kollha li tkun ħallast f'ismu fiż-żmien imsemmi hawn fuq u int taqbel li tagħmel l-almu tiegħek biex tiġbor u tħassar it-Tariffi tar-Reklamatur fil-ħin. Jekk ir-Reklamatur ma jħallsekx parti mill-flus, Snap taqbel li żżomm lir-Reklamatur biss responsabbli għal dawk il-flus. Jekk Snap ma tirċiviex il-ħlas fil-ħin, Snap tista' titlob il-ħlas direttament mingħand ir-Reklamatur u r-Reklamatur jaqbel li minnufih iħallas dawk it-Tariffi direttament lil Snap.
Jekk Snap titolbok tagħmel hekk, jeħtieġlek tagħti konferma bil-miktub tar-rabta bejnek u bejn ir-Reklamatur bil-mod mistenni minn Snap. Din il-konferma jeħtieġ li turi: (i) jekk ir-Reklamatur ħallsekx għat-Tariffi msemmija; u (ii) li int l-aġent tar-Reklamatur u li għandek permess tuża l-portal tas-Servizzi għan-Negozju f'isem ir-Riklamatur. Mhu se jkun hemm ebda responsabbiltà msensla jekk m'intix qed tagħmilha ta' aġent awtorizzat għar-Reklamatur, anki jekk Snap issensel din ix-xorta ta' responsabbiltà.
f. Kupuni/Krediti għall-Kont. Kultant żmien Snap tista' tibgħatlek kodiċi, kreditu, kupun jew xi xorta ta' skont ieħor bil-valur u bir-regoli u r-restrizzjonijiet magħżula minn Snap. Jekk tuża skont biex tixtri xi ħaġa f'isem ir-Reklamatur mill-portal tas-Servizzi għan-Negozju, jekk il-Liġi fis-Seħħ titolbok tagħmel hekk, jeħtieġlek tiżgura li l-iskont jgħaddi għand ir-Reklamatur u li tgħarraf lir-Reklamatur b'dak l-iskont.
ġ. Ħlasijiet Mhux Imwettqa. Jekk il-metodu tal-ħlas tiegħek ma jaħdimx jew il-fattura ma tkunx imwettqa fil-ħin, Snap jew l-imsieħba tagħha jistgħu jieħdu passi biex jiġbru ħlasijiet mhux imwettqa bl-użu ta' metodi li jidhrilhom huma raġjonevoli u jistgħu jtemmu kull ordni kurrenti jew li mistennija għall-ġejjieni permezz tal-portal tas-Servizzi għan-Negozju. Int se tħallas l-ispejjeż u n-nefqiet raġjonevoli kollha (fosthom tariffi raġjonevoli tal-avukati) li Snap jew l-imsieħba tagħha daħlu għalihom biex jiġbru ħlas tat-Tariffi li ġew mħallsa tard.
ħ. Ħlasijiet Lura. Jekk int jew Snap tikkanċella ordni tal-portal tas-Servizzi għan-Negozju qabel ma dik l-ordni tkun bdiet titwettaq, Snap se ttik il-ħlas lura bi sħiħ għall-pagamenti li diga saru għal dik l-ordni fuq il-metodu tal-ħlas primarju tiegħek. Jekk il-flus ikunu f'Kont tar-Reklami b'Bilanċ Miżmum, dawn il-flus mhux se jintbagħtu lura fuq il-metodu tal-ħlas primarju imma se jinżammu bħala bilanċ tal-Kont tar-Reklami b'Bilanċ Miżmum tiegħek. Jekk int jew Snap tikkanċella ordni waqt li dik l-ordni tkun qed titwettaq, Snap jew l-imsieħba tagħha jistgħu jroddulek parti mill-ħlas lura fuq il-metodu tal-ħlas primarju tiegħek biex b'hekk tħallas biss għall-parti tal-ordni li tkun twettqet. Il-ħlasijiet lura jistgħu jieħdu bejn 3 u 5 ijiem tax-xogħol biex jidħlulek fil-kont. Int taqbel li l-ħlas lura kif imsemmi hawn fuq hi l-unika azzjoni korrettiva li tista' tingħata u li int obbligat/a tħallas, u li nistgħu niġbru l-flus mill-metodu tal-ħlas tiegħek, għat-Tariffi kollha marbuta mal-ordnijiet li jkunu diġà bdew jitwettqu qabel jiġu kkanċellati.
i. Abbonamenti. Għas-Servizzi għan-Negozju li jiġġeddu awtomatikament (“Abbonament”), il-ħlasijiet jinġabru hekk: (i) wara li tibgħat sottomissjoni għal-ordni tiegħek; u (ii) qabel kull perjodu ta' meta l-abbonament jerġa' jiġġedded sakemm ma tikkanċellax qabel il-perjodu ta' l-Abbonament li jmiss jibda. Snap se tavżak bil-quddiem b'kull bidla fil-prezz li tkun se tidħol fis-seħħ meta jkun imissek terġa' tħallas għall-Abbonament. Sakemm Snap tista' tagħmel hekk skont il-Liġi fis-Seħħ u jekk tajtha permess tagħmel hekk meta bgħatt l-ordni tiegħek, Snap se tqis li tkun aċċettajt il-prezz il-ġdid jekk ma ħassartx l-Abbonament mill-portal tas-Servizzi għan-Negozju skont il-politika dwar it-tħassir fis-seħħ.
Jekk tħassar Abbonament, Snap mhux se tħallsek l-ebda flus lura li tkun ħallastha biex iġġedded l-Abbonament. Għalhekk l-ordni se tkun tista' tkompli titwettaq sakemm jagħlaq iż-żmien tal-Abbonament. Jekk Snap ma tibqax toffri s-Servizz għan-Negozju li tkun Abbonajt għalih, Snap mhux se titolbok tħallas biex iġġedded l-Abbonament għal darb'oħra.
Fi ftit kliem: Aħna nistgħu niksbu d-dettalji tal-istorja tal-kreditu tiegħek. Jekk tkun qed tixtri u tħallas bi kreditu, Snap se toħroġlok u tibgħatlek fattura li jeħtieġlek tħallas fi żmien 30 jum mid-data tal-fattura. L-ebda flus miżmuma fil-kont tar-reklami b'bilanċ miżmum ma jistgħu jingħatawlek lura. Jekk qed tħallas bil-karta, Snap se tiġbor il-flus li għandha tieħu meta tixtieq hi. Int tagħti permess lil Snap taħżen id-dettalji tal-ħlas tiegħek u tobbliga ruħek li tħallas il-flus kollha mitluba mill-metodu tal-ħlas tiegħek. Jekk il-ħlas tiegħek ma jgħaddix, Snap tista' tieħu l-passi meħtieġa biex tiġbor il-flus li għandha tieħu. Jekk int jew Snap tikkanċellaw ordni qabel tiġi kkonfermata, Snap se tagħtik il-ħlas lura bi sħiħ. Fejn jidħlu l-abbonamenti, aħna se niġbru l-flus wara li tibgħat sottomissjoni u qabel kull perjodu ta' meta l-abbonament jerġa' jiġġedded, sakemm ma tikkanċellax qabel jiġġedded. Jekk tikkanċella l-abbonament tiegħek, mhux se jkollok il-jedd li tieħu l-ħlas lura għal kwalunkwe ammont li diġa ħallast matul il-perjodu ta' l-abbonament.