Content Guidelines for Recommendation Eligibility
Released: May 13, 2024
1. Introduction
Snapchat hi primarjament applikazzjoni ta' messaġġi viżwali mibnija biex tgħin lin-nies jikkomunikaw mal-familja u l-ħbieb tagħhom. Iżda hemm partijiet tal-app fejn il-kontenut pubbliku jista' jilħaq udjenza usa' permezz ta' rakkomandazzjonijiet algoritmiċi; tali kontenut huwa definit bħala Kontenut Rakkomandat. Ngħidu aħna:
Fit-tab Stejjer, l-iSnapchatters jistgħu jsibu l-kontenut suġġerit li ġej minn imsieħba tax-xandir professjonali u kreaturi magħrufa.
Fuq Spotlight, l-iSnapchatters jistgħu jaraw il-kontenut maħluq u mibgħut mill-komunità tagħna.
Fuq il-Mappa, l-iSnapchatters se jkunu jistgħu jsibu l-avvenimenti, l-aħbarijiet tal-mument u ħwejjeġ oħra minn madwar id-dinja kollha.
Kull kontenut li jittella' fuq Snapchat, kemm dak pubbliku kif ukoll dak privat, għandu jimxi mar-Regoli tal-Komunità u mat-Termini tas-Servizz tagħna.
Biex ikun jista' jiġi suġġerit bl-algoritmi lil hinn mill-ħbieb jew l-abbonati tal-kreaturi (bħal, ngħidu aħna, fuq Stejjer, Spotlight jew il-Mappa), il-Kontenut għandu jimxi ma' standards oħra, iktar reqqija, li tista' ssib fil-Linji Gwida tal-Kontenut f'dil-paġna.
Aħna ninfurzaw dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut b'moderazzjoni billi tuża taħlita ta' teknoloġija u reviżjoni umana. Nipprovdu wkoll għodod fl-applikazzjoni għall-iSnapchatters biex jirrapportaw kontenut li jsibu oġġezzjonabbli. Inwieġbu għar-rapporti tal-utenti malajr, u nużaw il-feedback biex intejbu l-esperjenza tal-kontenut għall-iSnapchatters kollha.
Il-linji gwida tal-eliġibbiltà għas-suġġerimenti f'dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut jgħoddu l-istess għall-kontenut, ġej minn fejn ġej—kemm minn xi msieħba tagħna, minn kreatur privat jew minn kull xorta ta' għaqda oħra.
Għandna l-jedd li nwettqu dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut kif jidhrilna aħna u li nagħmlu kull għemil biex inwettquhom fosthom billi nneħħu, nillimitaw ix-xandir, nissospendu, inrażżnu t-tixrid u nneħħu l-aċċess ta' xi utenti skont l-età tagħhom għall-kontenut tiegħek.
Il-Kreaturi jew l-Imsieħba li jiksru r-Regoli tal-Komunità jew it-Termini tas-Servizz tagħna se jitqiesu li qed jiksru dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut.
Barra minn hekk, il-kontenut kollu jrid jikkonforma mal-liġi applikabbli kull fejn jiġi ddistribwit u t-termini tal-ftehim dwar il-kontenut tagħna miegħek. Fejn nemmnu li dak li ntqal hawn fuq ġie miksur, aħna nirriżervaw id-drittijiet kollha biex inneħħu l-kontenut li joffendi.
L-iSnapchatters huma grupp magħmul minn għadd ta' etajiet, kulturi u twemmin u rridu li kull wieħed u waħda minnhom ikollhom esperjenza sigura, ta' ġid u ta' siwi, anki l-iżgħar fosthom; li jafu jkollhom biss 13-il sena. Billi l-iSnapchatters jistgħu jintwerew kontenut li qatt ma talbu li jarawh, fassalna dawn il-linji gwida biex inħarsuhom minn kontenut li jaf ma jkunx mixtieq jew xieraq.
Fi ħdan il-ġabra ta' Kontenut Rakkomandat, nistinkaw biex nippersonalizzaw ir-rakkomandazzjonijiet, speċjalment għal dak li nsejħulu kontenut "Sensittiv". Per eżempju, kontenut Sensittiv jista':
Jissuġġerixxi trattamenti għall-akne li jafu jqażżu lil xi Snapchatters filwaqt li jogħġbu jew ikunu ta' siwi għal oħrajn; jew
Juri nies bl-ilbies tal-għawm b'mod li, skont il-kuntest jew min ikun qed jarah, jista' jagħti x'tifhem li qed ikebbes ix-xenqiet sesswali.
Filwaqt li xi Kontenut Sensittiv huwa eliġibbli għal rakkomandazzjoni, nistgħu nevitaw li nirrikkmandawh lil ċerti Snapchatters abbażi tal-età, il-post, il-preferenzi, jew kriterji oħra tagħhom. Jekk jogħġbok innota li l-kriterji Sensittivi f'dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut għandhom iservu bħala lista mhux eżawrjenti ta' eżempji. Nistgħu nirrestrinġu jew nirrifjutaw li nirrakkomandaw kwalunkwe kontenut ibbażat fuq l-istorja tal-moderazzjoni, ir-rispons tal-utent, is-sinjali tal-impenn, jew id-diskrezzjoni editorjali tagħna stess.
2. Quality
Stħarriġ li jistaqsu mistoqsijiet dwar informazzjoni personali sensittiva. Dan jinkludi, iżda mhux biss, l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade unions, is-saħħa personali jew il-ħajja sesswali tal-utenti.
Il-kontenut kollu għandu jkun prodott b'mod li jkun konsistenti mal-aħjar prattiki raġonevoli tal-industrija. Dawn li ġejjin mhumiex eliġibbli għal rakkomandazzjoni:
Kontenut bi Kwalità tal-Filmat Ħażina bħal stampa mżellġa jew mimlija pixels, b'xaqliba ħażina li teħtieġ li l-utent idawwar it-tagħmir mit-tul għall-wisgħa, filmati li bi żball jittellgħu mingħajr awdjo, eċċ.
Teptip jew flexxijiet mingħajr twissija għall-utenti sensittivi għad-dawl.
Test tal-Partner Tile li ma jistax jinqara jew jingħaraf. Dan japplika għal logos jew titli li jista' jkun li jkunu diffiċli biex jinqraw minħabba problemi ta' kapitalizzazzjoni, punteġġatura, simboli jew emojis.
Links barra l-pjattaforma (URLs, kodiċijiet QR, eċċ.) lil servizzi oħra tal-messaġġi, pjattaformi tal-midja soċjali, jew servers ta' ħżin fuq il-cloud. Iżda int liberu/a li tikkollega ma' pjattaformi oħra tal-midja soċjali fuq l-istory jew il-profil tiegħek stess, iżda dan il-kontenut mhux se jkun eliġibbli għal promozzjoni. (Nota: f'Discover, jista' jkun li nagħmlu eċċezzjonijiet għal ċerti URLs fdati fuq Snaps fi Story ta' utent, iżda dawk l-iSnaps ma jkunux eliġibbli biex jidhru bħala Tiles.)
Promozzjoni ta' kontijiet fuq servizzi oħra tal-messaġġi jew pjattaformi tal-midja soċjali. Per eżempju, isem tal-utent kollegat mal-isem jew ma' logo ta' app differenti tal-midja soċjali jew tal-messaġġi. (Nota: nagħmlu eċċezzjonijiet meta Snap tkun qed tattribwixxi kontenut lill-kreatur oriġinali u żżid kummentarju oriġinali trasformattiv).
Dawn li ġejjin eliġibbli biex nissuġġeruhom fi mkejjen limitati biss (bħal Sejjieba) imma mhux fi Spotlight jew fil-Mappa:
Ħoloq li jieħduk barra l-pjattaforma (URLs, kodiċi tal-QR, eċċ.) lejn siti oħra li mhumiex: servizzi tal-messaġġi oħra, pjattaformi tal-midja soċjali oħra jew servers tal-ħażna fil-cloud.
3. Public Interest Content
Il-Kuntest importanti. Xi kontenut li jkun jistħoqq li jintwera, edukattiv, satiriku jew is-suġġett ta' taħdit pubbliku jista' jkun permess, anki jekk juri jew jagħmel riferiment għal affarijiet li f'każijiet oħra jkunu jiksru elementi mill-Linji Gwida tagħna dwar il-Kontenut. Aħna napplikaw ġudizzju editorjali f'każijiet bħal dawn, u nitolbuk tagħmel l-istess. Dan ifisser:
Iżżomm l-istandards għall-preċiżjoni billi tikkonferma l-fatti li ssemmi
Taddatta l-kontenut għall-età u/jew il-post fejn se jintwera skont dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut; meta jkun il-każ u meta tista'
Tevita milli tixxokkja lill-iSnapchatters b'kontenut grafiku jew li jqanqal disturb. Meta kontenut li potenzjalment inissel disturb ikun jistħoqq li jintwera, trid tuża twissija ta' kontenut grafiku.
Il-Kontenut Politiku jista' jiġi suġġerit biss minn Imsieħba jew Ħallieqa fdati li nkunu approvajniehom minn qabel. Fosthom hemm:
Kontenut dwar l-elezzjonijiet marbut mal-kandidati jew mal-partiti għal xi xorta ta' post fil-gvern, proposti jew referendum, mal-kumitati għall-azzjoni politika u kontenut li jħeġġeġ lin-nies biex jivvutaw jew jirreġistraw biex jivvutaw.
Kontenut marbut mal-attiviżmu jew kwistjonijiet partikolarli li jitkellem dwar kwistjonijiet jew għaqdiet li qed jissemmew fit-taħdit pubbliku tal-post, tal-pajjiż jew tad-dinja jew li huma ta' importanza pubblika.
4. Sexual Content
Kwalunkwe kontenut sesswali li huwa pprojbit fil-Linji Gwida Komunitarji tagħna huwa pprojbit kullimkien fuq Snapchat. Biex il-kontenut ikun eliġibbli għal rakkomandazzjoni lil udjenza usa', ma jistax ikun fih:
Nudiżmu, atti sesswali, u servizzi sesswali. Il-Linji Gwida Komunitarji tagħna jippermettu nudità mhux pornografika limitata (per eżempju, fil-kuntest ta' treddigħ jew proċeduri mediċi) l-Istorja Privata ta' persuna. Iżda l-Linji Gwida tal-Kontenut jipprojbixxu kull nudità, fi kwalunkwe kuntest, anke jekk mhux fotografika jew realistika (per eżempju, pitturi jew stampi ġġenerati bl-AI). Il-Linji Gwida Komunitarji jipprojbixxu illustrazzjonijiet espliċiti ta' atti sesswali, il-Linji Gwida tal-Kontenut tagħna jipprojbixxu kwalunkwe tpinġija jew imitazzjoni ta' att sesswali, anke meta kull min huwa involut ikun kompletament imlibbes u l-ġest huwa meqjus bħala ċajta jew insinwazzjoni viżiva. Ir-Regoli tal-Komunità tagħna jipprojbixxu s-solleċitazzjoni sesswali ta' kwalunkwe tip; dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut għandhom tendenza li jiffavorixxu infurzar żejjed (per eżempju, Snap moderatament suġġestiva li tidderieġi lill-iSnapchatters lejn kont, pjattaforma jew sit separat, tiġi miċħuda milli tamplifika, anke jekk ma nistgħux nikkonfermaw li l-intenzjoni hija s-solleċitazzjoni sesswali).
Fastidju sesswali u materjal sesswali mhux kunsenswali. Dawn huma pprojbiti mal-pjattaforma kollha fil-Linji Gwida Komunitarji tagħna. Il-Linji Gwida tal-Kontenut imorru lil hinn biex jipprojbixxu kontenut sesswali insensittiv jew li huwa potenzjalment ta’ degradazzjoni, bħall-oġġettifikazzjoni sesswali u l-midja manipulata li tissessualizza lil xi ħadd mingħajr il-kunsens tiegħu (per eżempju, l-editjar tad-dehra ta’ ċelebrità biex jesaġeraw ċerti partijiet tal-ġisem sesswali). Nipprojbixxu wkoll spekulazzjoni dwar il-ġeneru jew is-sesswalità ta' xi ħadd (per eżempju, “___ għadu ma ħarigtx?”) u kopertura ta' kriminalità sesswali jew tabus sesswali f'format luridu u sensazzjonali (per eżempju, "10 Għalliema li Żżewġu lill-Istudenti Tagħhom").
Lingwaġġ sesswalment espliċitu. Filwaqt li l-Linji Gwida Komunitarji tagħna ma jimpedux lill-iSnapchatters milli jiddiskutu suġġetti adulti privatament jew fuq l-Istejjer tagħhom, dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut jipprojbixxu lingwaġġ espliċitu li jiddeskrivi atti sesswali, il-ġenitali, ġugarelli tas-sess, xogħol tas-sess, jew tabus sesswali (bħal inċest jew bestjalità). Dan jinkludi emojis f'kuntesti espliċitament sesswali. Jinkludi wkoll insinwazzjonijiet li huma speċifiċi biżżejjed biex jirreferu għal atti sesswali jew partijiet tal-ġisem partikolari.
Xbihat suġġestivi żżejjed. Filwaqt li l-Linji Gwida Komunitarji ma jwaqqfux lill-iSnapchatters milli jixxerjaw stampi senswali, mhux espliċiti, dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut jipprojbixxu stampli li jenfasizzaw partijiet tal-ġisem li spiss huma sesswalizzati (per eżmpju, is-sider, il-warrani, il-ġenitali) permezz tal-kamera, l-ilsbies, il-poża jew elementi oħra f'mod li huwa sesswalment provokanti. Dan japplika anke hekk l-individwu mhuwiex għarwien, jew anke jekk l-individwu mhux persuna reali (bħal animazzjonijiet jew tpinġijiet). Dan jinkludi closeups astratti ta' partijiet tal-ġisem sesswalizzati. Dan jinkludi wkoll attività sesswali simulata, bħal ippożar f'pożizzjonijiet tas-sess, l-imitazzjoni ta' atti tas-sess, il-wiri ta' ġugarelli tas-sess jew l-interazzjoni ma' oġġetti b'mod li huwa sesswalment provokanti.
Minorenni f'sitwazzjonijiet sesswali. Il-Linji Gwida Komunitarji tagħna jipprojbixxu strettament il-forom kolla tal-isfruttament sesswali tat-tfal. Dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut barra minn dan jipprojbixxu kontenut inkonklużiv li għandu mnejn ma jaqax taħt definizzjoni legali ta' sfruttament sesswali tat-tfal jew materjal ta' abbuż. Dan ifisser li niċħdu l-amplifikazzjoni ta' kwalunkwe kontenut, reali jew fittizju, dwar relazzjonijiet romantiċi jew sesswali bejn adulti u minorenni, sakemm l-inċident speċifiku mhux aħbar minħabba r-rilevanza tiegħu għal kwistjonijiet, individwi jew istituzzjonijiet prominenti. Anke f'istanzi meqjusa bħala aħbar importanti, il-kopertura ta' minorenni f'sitwazzjonijiet sesswali m'għandhiex tkun sensazzjonalizzata, suġġestiva jew ta' sfruttament. Dan jinkludi wkoll kontenut, reali jew fittizju, dwar attività sesswali bejn minorenni. Nippermettu:
Kontenut dwar l-identitajiet tal-ġeneru u sesswali tal-adoloxxenti, jew relazzjonijiet romantiċi addattati għal dik l-età, basta ma jkunx kontenut suġġestiv jew espliċitu.
Artikli dwar ir-reati sesswali jew fastidju sesswali, basta l-artikli jkunu aħbarijiet — li jfisser, artiklu marbut ma' kwistjoni, persuna jew entità li diġa qed tissemma' ħafna.
Għalkemm dawn li ġejjin jistgħu jiġu suġġeriti, nistgħu nagħżlu li ma nħallux xi Snapchatters isibuhom minħabba l-età tagħhom, il-post fejn jinsabu, preferenzi jew kriterji oħra.
Xbihat kompromettenti tal-ġisem iżda mhux għarwenin. Dan ifisser xbihat li inċidentalment jistgħu jiġbdu l-attenzjoni għal partijiet tal-ġisem sesswali ta’ spiss, iżda fejn is-suġġessività sesswali ċara mhijiex l-intenzjoni (per eżempju, ħwejjeġ skarsi jew issikkati f’kuntest xieraq għall-attività, bħal ilbies għall-għawm, ilbies tal-fitness, avvenimenti ta’ tapit aħmar, moda tar-runway).
Lingwaġġ moderatament suġġestiv. Dan jinkludi insinwazzjonijiet sottili li jindikaw interess sesswali vag mingħajr ma jalludu għal atti sesswali speċifiċi jew partijiet tal-ġisem speċifiċi.
Kontenut marbut mas-saħħa sesswali li jgħallem, li jqis is-sigurtà, li ma jħeġġiġx imġibiet perikolużi u li addattat għall-iSnapchatters minn l-età żgħira ta' 13-il sena.
Kontenut sesswali mhux suġġestiv li jaqa' taħt it-tifsira ta' aħbarijiet, kummentarju dwar kwistjonijiet ta' interess pubbliku jew tagħlim (bħal, ngħidu aħna, l-istorja tal-arti).
Kontenut li juri nies li magħrufa l-iktar għall-ħidma tagħhom fl-industrija tas-sess.
5. Harassment & Bullying
Kwalunkwe fastidju jew bullying li hu projbit fir-Regoli tal-Komunità tagħna hu projbit kullimkien fuq Snapchat, inkluż fil-kontenut privat jew fuq Story ta' Snapchatter. Biex kontenut ikun eliġibbli għal rakkomandazzjoni għal udjenza usa', ma jridx jinkludi:
Tentattivi ambigwi ta' twaqqigħ għaċ-ċajt jew ta' umiljazzjoni ta' xi ħadd. Il-Linji Gwida tal-Komunità tagħna jipprojbixxu l-forom kollha ta’ fastidju u bullying, iżda dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut japplikaw standard aktar strett f’każijiet ambigwi fejn l-intenzjoni ta’ imbarazzament hija inċerta (per eżempju, Snap ta’ “roast” fejn mhuwiex ċar jekk is-suġġett iridx jaqa' għaċ-ċajt fuq il-kamera). Dan jestendi għal lingwaġġ li jbaxxi jew jiddisprezza lil xi ħadd. Jinkludi wkoll l-oġġettifikazzjoni ta' xi ħadd fuq il-bażi tal-apparenza tagħhom, anki jekk ikunu figura pubblika.
Żomm f'moħħok: il-kritika jew is-satira tal-kliem jew l-għemil ta' adulti jew għaqdiet prominenti ma jitqiesx bħala fastidju jew bullying.
Ma naċċettaw l-ebda xorta ta' fastidju sesswali (aqra t-taqsima “Kontenut Sesswali” hawn fuq) fuq Snapchat.
Invażjonijiet tal-privatezza. Il-Linji Gwida tal-Komunità tagħna jagħtu dettalji dwar it-tipi ta’ informazzjoni privata li m’għandhiex tiġi kondiviża. Barra minn hekk, dawn il-Linji Gwida dwar il-Kontenut jipprojbixxu l-qsim ta’ stampi ta’ tfal, inklużi t-tfal ta’ persuni pubbliċi, sakemm:
m'għandhomx sehem ewlieni fi stejjer ta' interess pubbliku
ma jkunux mal-ġenitur jew mal-gwarjan legali tagħhom f'avveniment pubbliku
il-kontenut ma jkunx inħoloq mingħajr il-permess ta' ġenitur jew gwardjan legali.
Ix-xewqan ta' korriment serju jew mewt ta' xi ħadd (bħal, ngħidu aħna, “Nirrah l-ex għarus tiegħi jinfaqa' bil-karozza l-ġdida tiegħu”).
Kliem baxx immirat lejn xi ħadd ieħor. Il-Linji Gwida tal-Komunità tagħna jippermettu l-espressjoni personali li tuża l-profanità, iżda dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut jipprojbixxu lingwaġġ oħxon jew profanità diretta lejn individwu jew grupp, anki jekk ikun bleeped jew mgħotti, u anke jekk ma jkunx sever daqs diskors ta’ mibegħda jew espliċita sesswali.
Ċajt kattiv jew perikoluż li jista' jwassal biex il-vittma taħseb li tinstab f'periklu imminenti ta' korriment, mewt jew telf.
Nuqqas ta' empatija b'rabta ma' ġrajjiet jew suġġetti traġiċi (bħal, ngħidu aħna, tgħaddi biż-żmien lill-vittmi tal-vjolenza domestika)
6. Disturbing or Violent Content
Kwalunkwe kontenut keddej jew vjolenti li huwa projbit fir-Regoli tal-Komunità tagħna hu projbit kullimkien fuq Snapchat. Biex kontenut ikun eliġibbli għal rakkomandazzjoni għal udjenza usa', ma jridx jinkludi:
Xbihat grafiku jew gratuwitu. Ir-Regoli tal-Komunità tagħna jipprojbixxu xbihat grafiċi jew gratwiti ta' vjolenza fuq bnedmin jew annimali. Dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut jipprojbixxu rappreżentazzjonijiet grafiċi jew gratwiti mhux biss ta' vjolenza, iżda anki ta' mard serju, korriment jew mewt. Ir-Regoli tal-Komunità tagħna ma jipprojbixxux kontenut li juri proċeduri mediċi jew kożmetiċi (per eżempju, fqigħ ta' ponot, tindif ta' widnejn, liposuction, eċċ.), iżda l-kontenut mhuwiex eliġibbli għal rakkomandazzjoni jekk juri xbihat grafiċi. "Grafiċi" f'dan il-kuntest tinkludi xbihat ta' veru ta' fluwidi jew ħmieġ prodott mill-bniedem, bħal materja, demm, awrina, rawt, likwidu tal-marrara, deterjorament. Inċaħħdu l-amplifikazzjoni għal xbihat relatati mal-ġisem tal-bniedem li joħolqu disturb apposta b'mod li jqanqal, bħal oġġetti bil-ponta qrib il-ġilda jew l-għajnejn, jew vermini qrib il-ħalq. Filwaqt li r-Regoli tal-Komunità tagħna jipprojbixxu kontenut li juri abbuż fuq l-annimali, dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut jipprojbixxu wkoll xbihat ta' tbatija severa (per eżempju, ġrieħi miftuħa, irquqija eċċessa, partijiet tal-ġisem miksura jew sfigurati) jew mewt tal-annimali.
Glorifikazzjoni tal-vjolenza. Ir-Regoli tal-Komunità tagħna jipprojbixxu l-espressjoni ta' appoġġ favur il-vjolenza jew it-tħeġġiġ ta' vjolenza fuq xi ħadd. Dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut imorru lil hinn biex jipprojbixxu anki appoġġ ambigwu għall-vjolenza jew l-approvazzjoni taċita ta' din.
Glorifikazzjoni ta' awtokorriment. Ir-Regoli tal-Komunità tagħna jipprojbixxu l-promozzjoni ta' awtokorriment, is-suwiċidju jew disturbi tal-ikel. Dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut imorru lil hinn biex iċaħħdu l-amplifikazzjoni lil kontenut li jmiss mal-linja ta' limitu (per eżempju, meta wieħed jgħid biċ-ċajt, "Ħassar il-kont u mur agħtiha għal isfel," jew kwalunkwe kontenut favur irquqija eċċessa ("thinspo") jew favur l-anoressija ("pro-ana").
It-tħeġġiġ ta' mġiba perikoluża hu projbit fir-Regoli tal-Komunità tagħna. Dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut iċaħħdu l-amplifikazzjoni lil kontenut li juri attivitajiet perikolużi mwettqa minn nonprofessjonisti, bħal stunts jew "sfidi" li jistgħu jirriżultaw f'korriment, mard, mewt, ħsara jew ħsara fuq il-proprjetà.
Wiri xokkanti jew sensazzjonalizzat ta' inċidenti li jqanqlu disturb. Ir-Regoli tal-Komunità tagħna ma jipprojbixxux kontenut dwar inċidenti li joħolqu disturb, iżda dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut iċaħħdu l-amplifikazzjoni għal kontenut li jiffoka fuq reati vjolenti jew sesswali jew reati li jinvolvu minorenni li mhumiex ta' min ixandarhom. Biex il-kontenut jitqies bħala “ta’ aħbarijiet,” irid ikun f’waqtu u jinvolvi individwu, grupp jew kwistjoni prominenti fl-interess pubbliku.
Għalkemm dawn li ġejjin jistgħu jiġu suġġeriti, nistgħu nagħżlu li ma nħallux xi Snapchatters isibuhom minħabba l-età tagħhom, il-post fejn jinsabu, preferenzi jew kriterji oħra.
Vjolenza fil-kuntest ta' aħbarijiet nazzjonali, ta' edukazzjoni jew ta' diskors pubbliku, fejn ma jkun hemm l-ebda immaġnijiet grafiċi ta' mewt jew mutilazzjoni. Inċidenti li jnisslu disturb, bħal reati sesswali jew vjolenti, jistgħu jkunu ta' min ixandarhom meta jkunu puntwali u jinvolvu individwu, grupp jew kwistjoni prominenti fl-interess pubbliku
Taħditiet dwar kif tegħleb il-ħsara li tkun qed tagħmel lilek innifsek, fosthom bi problemi psikoloġiċi marbuta mal-ikel.
Rappreżentazzjonijiet mhux grafiċi ta' problemi tas-saħħa, proċeduri, kuntesti jew apparati mediċi. Dan jinkludi organi tal-ġisem preservati f'kuntesti edukattivi jew ta' min ixandarhom.
Operazzjonijiet kożmetiċi fejn il-ġilda ma tinferaqx.
Bidliet fil-ġisem bħal labar tat-tpinġijiet fuq il-ġilda jew xi ħadd qed itaqqab għall-imsielet.
Annimali fil-periklu jew f'saram naturali, mingħajr stampi eċċessivi ta' mewt u ta' dmija.
Speċijiet li jnisslu fobiji komuni, bħal brimb, insetti jew sriep.
Xbihat fittizji iżda realistiċi u li potenzjalment inisslu disturb. Dan jinkludi vjolenza f'kuntesti ta' divertiment (per eżempju, f'film, logħba jew skit ċajtiera). Dan jinkludi wkoll kontenut b'temi tal-orrur (per eżempju, irtokk tal-effetti speċjali, kostumi, props). Jinkludi wkoll xbihat bl-għan li jipprovokaw reazzjoni qanqala (pereżempju, oġġetti porużi biex iqabbdu tripofobija, kolla li tissimula ġilda li qed titqaxxar, jew żrieragħ li jissimulaw dud).Kliem baxx meta ma jkunx immirat lejn individwu, mhux derogatorju fil-konfront ta' grupp, u mhux f'kontenut sesswalment espliċitu. Dan japplika għal kliem ħażin użat ta' spiss biex tiġi espressa frustrazzjoni ġenerali (per eżempju, "iż-ż***" u "ħ**").
7. False or Deceptive Information
Kwalunkwe informazzjoni falza ta' ħsara li hija projbita fir-Regoli tal-Komunità tagħna hija projbita kullimkien fuq Snapchat. Il-Ħallieqa u l-Imsieħba huma responsabbli għall-verifika tal-fatti tal-kontenut tagħhom. Il-Ħallieqa u l-Imsieħba huma pprojbiti milli jippubblikaw kontenut mhux preċiż jew qarrieqi, kemm jekk is-suġġett ikun serju (politika, saħħa, avvenimenti traġiċi) jew aktar frivoli (gossip tad-divertiment, ingann, eċċ.). Biex kontenut ikun eliġibbli għal rakkomandazzjoni għal udjenza usa', ma jridx jinkludi:
Informazzjoni politika falza jew mhux sostanzjata. Ir-Regoli tal-Komunità tagħna jipprojbixxu informazzjoni politika falza, bħal informazzjoni żbaljata dwar il-votazzjoni, rappreżentazzjonijiet ħżiena tal-pożizzjonijiet ta' kandidat jew kontenut ieħor li jxekkel il-proċessi ċiviċi. Jista' jkun hemm każijiet li fihom it-timijiet tar-reviżuri tagħna ma jkunux jistgħu jivverifikaw jekk affermazzjoni politika tkunx vera, falza jew potenzjalment qarrieqa. Jista' jkun permess kontenut ambigwu fost ħbieb jew segwaċi, iżda mhux se jkun eliġibbli għal rakkomandazzjoni.
Informazzjoni falza jew mhux sostanzjata relatata mas-saħħa. Dax-xorta ta' kontenut imur kontra r-Regoli tal-Komunità tagħna u għalhekk imur ukoll kontra dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut.
Tiċħid ta' avvenimenti traġiċi. Dan ix-xorta ta' kontenut imur kontra r-Regoli tal-Komunità tagħna u għalhekk imur ukoll kontra dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut.
Media manipulata li tkun falza jew qarrieqa. Ir-Regoli tal-Komunità tagħna jiffukaw fuq il-potenzjal tal-media manipulata għal ħsara (per eżempju, deepfake ta' persuna politika li tagħmel xi ħaġa imbarazzanti). Il-Linji Gwida tal-Kontenut tagħna jmorru lil hinn biex jiċħdu l-amplifikazzjoni ta' informazzjoni falza jew qarrieqa anke fejn m'hemm l-ebda riskju ovvju għas-soċjetà. Per eżempju, stampi tal-madum tal-clickbait li jużaw għodod għall-editjar tar-ritratti jew IA biex juru serp daqs xarabank, jew li jeditjaw atturi f'kostumi biex ixerrdu xnigħat ta' casting kompletament infondati; dawn l-eżempji jistgħu ma jheddux l-integrità ċivika jew is-saħħa pubblika, iżda huma qarrieqa.
Impersonifikazzjonijiet qarrieqa ta' nies oħra, ta' ditti jew ta' organizzazzjonijiet. Kontenut bħal dan hu pprojbit fir-Regoli tal-Komunità tagħna, u dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut imorru lil hinn biex jipprojbixxu l-impersonifikazzjoni ambigwa jew mhux ċara. Satira, parodija u kummentarju huma permessi, iżda r-realtà min ikun wara l-kontenut trid tkun ċara b'mod raġonevoli għal persuna ta' 13-il sena li tarah.
Tattiċi ta' marketing qarrieqa ta' kull tip. Nipprojbixxu links b'ridirezzjonijiet eċċessivi jew links li jiġġeneraw pop-ups jew pop-unders jew tagħbija tar-reklami eċċessiva. Inti ma tistax tibdel id-destinazzjoni aħħarija jew il-paġna ta' destinazzjoni ta' link wara li tkun urietha fil-kontenut tiegħek. Kwalunkwe link fil-kontenut tiegħek irid jimxi mal-Linji Gwida tal-Kontenut tagħna wkoll.
Lixka għall-interazzjonijiet. Dan ifisser kontenut fejn l-intenzjoni mhux li tilqa' jew tinforma lit-telespettatur, iżda li timmanipulahom biex tingħata spinta lill-fehmiet jew l-interazzjonijiet ta' Snap. Il-lixka tal-interazzjonijiet spiss tistabbilixxi aspettattivi li qatt ma tintlaħaq. Hawnhekk hawn lista mhux eżawrjenti ta' eżempji ta' lixka tal-interazzjonijiet projbiti:
Caption li tgħidlek “stenna għaliha” imma “hi” qatt ma sseħħ.
Sfidi msejsa fuq faċilitajiet ta' Snapchat li ma jeżistux bħal, ngħidu aħna, “Snapchat mhux se tħallik timmarka għal għaxar darbiet li dil-ħaġa togħġbok”.
Kontenut li jipprova jinfluwenza r-reazzjonijiet jew il-qsim tal-kontenut mal-oħrajn bħal, ngħidu aħna, “Se nqaxxar xagħri jekk dal-kontenut jikseb 20,000 reazzjoni li jintgħoġob”.
Kontenut li jipprova jonsob lin-nies biex jerġgħu jaraw jew iwaqqfu Snap billi juża blokok kbar ta' kitba, ħarsa ta' malajr lejn xi ħaġa jew logħbiet ta' “agħraf id-differenza”.
Fatti li jkunu foloz jew aħbarijiet bombastiċi jew Tili, bħal għidut bla bażi dwar min se jieħu sehem f'xi film, li jħabbru arrest li seħħ snin ilu ta' xi ħadd magħruf bħala aħbar ġdida, li jeditjaw il-ġisem jew wiċċ xi ħadd f'ritratt biex jimplikaw xi bidla radikali, eċċ.
8. Illegal or Regulated Activities
Attivitajiet, prodotti jew servizzi illegali jew regolati li huma pprojbiti fir-Regoli tal-Komunità tagħna huma pprojbiti kullimkien fuq Snapchat. Biex kontenut ikun eliġibbli għal rakkomandazzjoni lil udjenza usa', ma jistax:
Jiffaċilita jew jippromwovi attività illegali. Dax-xorta ta' kontenut imur kontra r-Regoli tal-Komunità tagħna u għalhekk imur ukoll kontra dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut.
Juri prodotti tat-tabakk, in-nikotina jew il-kannabis jew il-prodotti biex tużahom. Filwaqt li l-Linji Gwida tal-Komunità tagħna ma jipprojbixxux Snaps ta' adulti li jużaw dawn il-prodotti f'postijiet fejn huma legali, dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut jiċħdu l-amplifikazzjoni ta' tali kontenut.
Juri użu perikoluż tal-alkoħol. Għalkemm ir-Regoli tal-Komunità tagħna jħalluk ittella' Snaps ta' adulti jixorbu l-alkoħol, dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut ma jħallux dax-xorta ta' kontenut li juri użu eċċessiv u perikoluż ta' alkoħol minn adulti jixtered. Fost dan il-kontenut hemm kontenut li juri lil xi ħadd jixrob kwantitajiet kbar ta' alkoħol jew li qed iħaddem jew isuq vettura taħt l-effett tax-xorb jew bl-alkoħol ħdejh jew xi ħadd qed jixrob sakemm ma jkunx jiflaħ jitkellem jew jitlef sensih.
Juri armi moderni ta' veru li jistgħu joqtlu (snieter, skieken tal-ġlied, bombi, eċċ.) jekk ma jkunx f'kuntest ta' aħbarijiet, tagħlim jew sport.
Armi storiċi (bħal katapulti, xkubetti, xwabel, eċċ.) jistgħu jintwerew.
Armi foloz (tiżjin tal-kostumi, armi tal-logħob diġitali, eċċ.) jistgħu jintwerew.
Jippromwovi ċerti oġġetti jew servizzi regolati. Il-Politika tal-Kontenut Kummerċjali tispjega kif l-iSnapchatters jistgħu jaqsmu l-kontenut kummerċjali ma' sħabhom jew mas-segwaċi tagħhom, inkluż kontenut li jeħtieġ immirar fuq il-bażi tal-età jew tal-post. Iżda biex ikun eliġibbli għal rakkomandazzjoni, il-kontenut ma jistax jippromwovi dawn l-oqsma regolati:
Propjetà residenzjali
Opportunitajiet għax-xogħol
Logħob tal-azzard, logħob/imħatri għall-flus, lotteriji, kompetizzjonijiet
Wegħdiet mhux realistiċi dwar benefiċċji għas-saħħa li xi prodott jew servizz jista' jagħti; kull riklam ta' vitamini, mediċini jew prodotti għat-telf tal-piż
Self, investimenti, kreditu, kriptomuniti, NTFs, jew kwalunkwe xorta ta' servizz jew prodott finanzjarju ieħor
Alkoħol
Tabakk, kannabis jew il-prodotti ġejjin minnhom (nikotina, prodotti bit-THC/CBD) jew prodotti fuq kif tpejjiphom (sigaretti elettroniċi, eċċ.)
Bombi, logħob tan-nar, suffarelli, tagħmir għat-twaqqigħ tal-bini
Apps, siti jew servizzi għal-laqgħat romantiċi
Għalkemm dawn li ġejjin jistgħu jiġu suġġeriti, nistgħu nagħżlu li ma nħallux xi Snapchatters isibuhom minħabba l-età, il-post fejn jinsabu, il-preferenzi tagħhom jew kriterji oħra.
Xorb ta' alkoħol moderat minn adulti.
Programmi jew tekniki għat-telf fil-piż.
Il-kontenut tal-fitness jista' jintwera lil udjenzi kollha meta jiffoka fuq is-saħħa, it-tonalità tal-ġisem jew il-mobbiltà minflok jiffoka fuq it-telf tal-piż.
Referenzi għal għemil fittizju li jikser il-liġi jew li jeħtieġ liċenzja (ngħidu aħna, ċajt, reċti, xeni tal-films jew tal-logħob tal-kompjuter, eċċ.)
9. Hateful Content, Terrorism, and Violent Extremism
Kwalunkwe Kontenut ta' Mibegħda, Terroriżmu u Estremiżmu Vjolenti li hu projbit fir-Regoli tal-Komunità tagħna hu projbit kullimkien fuq Snapchat. Biex kontenut ikun eliġibbli għal rakkomandazzjoni għal udjenza usa', ma jridx jinkludi:
Kontenut minn, jew li jippromwovi għaqdiet terroristiċi, estermisti vjolenti jew gruppi ta' mibegħda. Dax-xorta ta' kontenut imur kontra r-Regoli tal-Komunità tagħna u għalhekk imur ukoll kontra dawn il-Linji Gwida tal-Kontenut.
Diskors ta' mibegħda. Il-Linji Gwida tal-Komunità tagħna jipprojbixxu kontenut li jbaxxi, jimmalafama, jew jippromwovi diskriminazzjoni jew vjolenza fuq il-bażi ta’ razza, kulur, kasta, etniċità, oriġini nazzjonali, reliġjon, orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru, diżabilità, jew status ta’ veteran, status ta’ immigrazzjoni, status soċjoekonomiku, età, piż jew stat ta’ tqala. Dawn il-Linji Gwida dwar il-Kontenut imorru lil hinn biex jipprojbixxu l-kontenut li huwa ambigwu ta' degradazzjoni għal kwalunkwe waħda mill-kategoriji protetti elenkati hawn fuq. Jekk ma jkunx ċar jekk il-kontenut ikunx maħsub bħala "senjalatur" għal twemmin diskriminatorju, aħna nippreferu li ma nippromwovux kontenut bħal dan.
Għalkemm dawn li ġejjin jistgħu jiġu suġġeriti, nistgħu nagħżlu li ma nħallux xi Snapchatters isibuhom minħabba l-età, il-post fejn jinsabu, il-preferenzi tagħhom jew kriterji oħra:
It-tgħajjir “imsaffi” li jintuża minn membri ta' grupp li fl-imgħoddi kienu jiġu mgħajra bihom.
Kliem jew simboli ta' mibegħda meta jintużaw bħala bilanċ għall-kliem negattiv, għall-aħbarijiet, għat-tagħlim, għall-istorja u għall-ħrejjef
10. Commercial Content
Il-Politika tal-Kontenut Kummerċjali tagħna tgħodd għal kull xorta ta' kontenut fuq Snapchat li mhux riklam tradizzjonali mwassal minn Snap imma huwa sponsorjat minn jew jirriklama xi ditta, prodott jew servizz (fosthom id-ditti jew in-negozju tiegħek) u l-kontenut li tkun tellajt għax xi ħadd ħallsek jew bagħatlek xi rigali għalih.
Il-kontenut kummerċjali ma jistax jiġi suġġerit jekk:
Ikun jikser xi parti mill-politika tal-Kontenut Kummerċjali tagħna.
Ma jiżvelax in-natura kummerċjali tagħha. Snap joffri għodda ta' żvelar ta' "sħubija mħallsa" u għodod ta' immirar abbażi tal-età u tal-post fil-livell tal-profil biex jgħinu Kreaturi, Sħab u ditti jikkonformaw mal- 1) liġijiet lokali, 2) Politiki dwar ir-Reklamar tagħna u 3) Politika tal-Kontenut Kummerċjali tagħna. Neħtieġu l-użu ta' dawn l-għodod meta jkunu applikabbli.