Regoli tal-Iżviluppaturi ta' Snap

Fis-seħħ minn: 31 ta' Jannar 2025

AVVIŻ DWAR L-ARBITRAĠĠ: INT MARBUT(A) BID-DISPOŻIZZJONI TAL-ARBITRAĠĠ STIPULATI FIR-REGOLI TAS-SERVIZZI KUMMERĊJALI. JEKK QED TAGĦMEL KUNTRATT MA' SNAP INC., ALLURA INT U SNAP INC. TIRRINUNZJAW KWALUNKWE DRITT LI TIPPARTEĊIPAW F'AZZJONI TA' KAWŻA LEGALI KOLLETTIVA JEW ARBITRAĠĠ KOLLETTIV.

Daħla

Ir-Regoli tal-Iżviluppaturi ta' Snap huma ftehim b'rabta legali bejnek u bejn Snap, jirregolaw l-użu tas-Servizzi tan-Negozju għall-programm tal-iżviluppaturi ta' Snap (il-“Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap”) u huma parti mir-Regoli tas-Servizzi tan-Negozju. Xi terminoloġiji użati f'dawn ir-Regoli tal-Iżviluppaturi ta' Snap għandhom it-tifsira mogħtija lilhom fir-Regoli tas-Servizzi tan-Negozju. Dawn ir-Regoli tal-Iżviluppaturi ta' Snap jiġbru fihom b'referenza d-Dokumenti tal-Kaxxa tal-Għodda ta' Snap li huma Regoli u Politiki Addizzjonali skont ir-Regoli tas-Servizzi tan-Negozju.

1. Tifsiriet

“App” tfisser is-sit, l-indirizz tal-internet, l-app tal-mowbajl, il-punt tal-aċċess, il-wiċċ jew il-propjetà l-oħra tiegħek awtorizzata minn Snap.

“Bidla” tfisser kwalunkwe tiġdid, aġġornament jew bidla oħra fil-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap.

“Faċilitajiet tad-Ditta ta' Snap” tfisser kwalunkwe isem, marka tkummerċjali, marka tas-servizz, logo, isem tad-domain jew xi karatteristika unika oħra tad-ditta ta' Snap u tal-imsieħba tagħha.

“Informazzjoni Kunfidenzjali ta' Snap” tfisser kwalunkwe materjal, dokument, messaġġ u informazzjoni li huma mmarkati bħala kunfidenzjali jew li wieħed, b'mod raġjonevoli, jifhem li huma kunfidenzjali għal Snap, fosthom, biex inkunu ċari, il-prezzijiet, kwalunkwe ammont li għandek tħallas jew li għandha tħallsek Snap u kwalunkwe formola tal-ordni, żieda jew bidla bejnek u bejn Snap jew l-imsieħba ta' Snap imma ma tinkludi l-ebda informazzjoni li diġà kont taf, li ssir pubblika mingħajr ħtija tiegħek, li nħolqot minnek b'mod indipendenti jew li ngħatatlek skont il-liġi minn parti terza li ma kienet taħt l-ebda obbligu ta' kunfidenzjalità.

“Kontenut ta' Snap” tfisser il-kontenut (fosthom il-Faċilitajiet tad-Ditta ta' Snap) maħluq, imtella', maħruġ, mibgħut, riċevut, maħżun jew b'xi mod ieħor provdut minn Snap, mill-utenti ta' Snap (fosthom il-Kontenut Pubbliku, kif dik it-terminoloġija hi mfissra fir-Regoli tas-Servizz ta' Snap) jew liċenzjaturi ta' partijiet terzi oħra.

2. Il-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap

a. Il-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap iħallik tfassal, tiżviluppa, tintegra, tniedi, tittestja, tħaddem, iżżomm u xxerred il-funzjonalità u prodotti u servizzi oħra li huma disponibbli għalik mill-iżviluppaturi ta' Snap jew l-imsieħba tagħha għall-App tiegħek permezz ta' għodod bħall-API(ijiet), software, kaxex tal-għodda tal-iżvilupp tas-software, kodiċi, ċwievet u kredenzjali mogħtija lilek u lill-App tiegħek minn Snap jew l-imsieħba tagħha. Xi għodod jaf ikun fihom software li ġej minn kumpaniji oħra li jaf ikollu r-regoli tiegħu u int għandek timxi ma' dawk ir-regoli. Jekk is-software li ġej minn parti terza fih xi software open-souce u tibdel jew iżżid dak is-software fl-App tiegħek, tista' tagħmel hekk biss skont ir-regoli tal-liċenzja ta' dak is-software open-source applikabbli. 

b. Jekk Snap tipprovdilek xi Bidliet, għandek: (i) iddaħħal il-Bidliet kollha fis-seħħ fl-App tiegħek kemm jista' jkun malajr meta tqis il-ħtiġijiet kummerċjali tiegħek; u (ii) tipprijoritizza l-Bidliet fis-seħħ skont is-suġġerimenti ta' Snap.

ċ. Jaf ikollok aċċess għad-Dejta tas-Servizzi tan-Negozju grazzi għall-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap. Għandek timxi mal-permessi, mar-rekwiżiti u mal-limitazzjonijiet kollha mqiegħda fuq l-użu tad-Dejta tas-Servizzi tan-Negozju minn Snap jew mill-utenti ta' Snap, fosthom kwalunkwe talba biex tneħħi d-Dejta tas-Servizzi tan-Negozju. M'għandekx tiġbor, iżżomm jew tuża kwalunkwe Dejta tas-Servizzi tan-Negozju sakemm ma jkollokx permess ċar tagħmel hekk skont dawn ir-Regoli tal-Iżviluppaturi ta' Snap.

d. Int tirrikonoxxi u taqbel li l-Kontenut ta' Snap: (i) jaf jkun suġġett għall-jeddijiet tal-awtur jew jeddijiet ta' propjetà u proprjetà intellettwali oħra u, jekk hu l-każ, ma tistax tuża jew tqassam dak il-Kontenut ta' Snap sakemm ma tiksibx il-jeddijiet, il-permessi u l-liċenzji meħtieġa mingħand is-sid ta' dak il-kontenut jew kif hu permess mill-Liġi Applikabbli; (ii) jaf ma jkunx addattat għal kull udjenza jew għal kull età; u (iii) hu suġġett għar-Regoli tal-Wirja ta' Kontenut Pubbliku jekk qed turi Kontenut Pubbliku fl-App tiegħek. L-aċċess għall-Kontenut ta' Snap jista' jiġi ristrett, limitat jew ffiltrat suġġett għad-diskrezzjoni ta' Snap u skont il-politika u l-Liġi Applikabbli. Int taqbel li Snap mhix responsabbli għal talbiet ibbażati fuq jew li joriġinaw mill-Kontenut ta' Snap.

e. Jaf ukoll ikollok aċċess għall-Faċilitajiet tad-Ditta ta' Snap biex turihom fuq jew permezz tal-App tiegħek. Kull Faċilità tad-Ditta ta' Snap għandha tintuża għall-benefiċċju ta' Snap. Int tassenja u se tagħti, mingħajr il-jedd li treġġa' d-deċiżjoni tiegħek lura, kull jedd, propjetà u benefiċċju li tikseb minn kwalunkwe Faċilità tad-Ditta ta' Snap u li ma tilmentax dwar il-validità tal-Faċilitajiet tad-Ditta ta' Snap. Dejjem għandek tuża l-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap b'konformità ma kwalunkwe rekwiżiti tad-ditta u tal-għarfien li Snap tipprovdi, fosthom il-Linji Gwida tad-Ditta ta' Snap u, jekk ikun il-każ, il-Linji Gwida tad-Ditta ta' Bitmoji

f. Billi tuża l-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap: int tirrikonoxxi u taqbel li (i) int tmexxi, tħaddem jew qed taħdem ma' jew għandek il-permess ta' sid l-App; u (ii) li mhu se tikseb l-ebda jedd bħala sid fil-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap, id-Dejta tas-Servizzi tan-Negozju u l-Faċilitajiet tad-Ditta ta' Snap.

3. Liċenzja

a. Jekk il-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap jippermettilek li tibgħat jew li toħloq faċilità fejn l-oħrajn ikunu jistgħu jibagħtu l-kontenut (fosthom, biex inkunu ċari, kwalunkwe dejta jew teknoloġija mibgħuta permezz tal-App tiegħek minnek jew mill-utenti tiegħek) lis-Servizzi, int tagħti lil Snap u lill-imsieħba tagħha liċenzja dinjija perpetwa, irrevokabbli, sottoliċenzjabbli, mingħajr royalties u mhux esklussiva li tuża', iżżomm, taħżen, tarkivja, tikkopja, tibdel, toħloq cache, tikkodifika, tirriproduċi, tqassam, tgħaddi, tissinkronizza, turi, toħloq xogħol derivattiv minn u pubblikament turi dak il-kontenut b'konnessjoni mas-Servizzi. Snap ma tiksibx il-jeddijiet tas-sjieda għal dak il-kontenut jew għall-App tiegħek.

b. Sa fejn nistgħu nagħmlu hekk skont il-Liġi fis-Seħħ, int iċċedi kull jeddijiet dinjija morali jew jeddijiet oħra bħalhom li jaf ikollok marbuta mal-kontenut li tapprova jew li tibgħat fuq Servizzi għan-Negozju. Jekk ma tistax iċċedi dawn il-jeddijiet, int taqbel li ma tressaq ebda talba msejsa fuq dawn il-jeddijiet kontra Snap u l-imsieħba tagħha.

4. L-App Tiegħek

a. Int u l-App tiegħek m'għandkomx tiksru l-jeddijiet, fosthom il-jeddijiet tal-proprjetà intellettwali ta' ħaddieħor u għandek teħtieġ mill-utenti tiegħek u minn kull min qed iwettaq xi għemil f'ismek biex jimxi ma', u ma jaċċessax jew juża l-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap b'xi mod li jikser, dawn ir-Regoli tal-Iżviluppaturi ta' Snap u l-Liġijiet Applikabbli. Sakemm jgħoddu għall-każ tiegħek, għandek tkun ksibt il-jeddijiet, il-liċenzji, il-kunsensi u l-permessi kollha meħtieġa għar-reġistrazzjonijiet tal-ħsejjes u għall-kompożizzjonijiet mużikali li tuża b'rabta mal-App tiegħek, u li ħallast, u se tħallas, l-ammonti kollha li għandek tħallas u li se jkollok tħallas lil kull union, għaqda (fosthom it-tariffi kollha lill-awturi talli użajt il-kontenut tagħhom), fornitur, ditta tal-mużika, mużiċist, pubblikatur, kompożitur (fosthom it-tariffi tal-liċenzja biex tuża l-kontenut f'xogħol ieħor), għaqda tax-xandir pubbliku (eż.: ASCAP, BMI, SACEM u SESAC), attur, ħaddiem, kuntrattur indipendenti, operatur tas-servizz u kull min għandu xi jedd marbut mal-App tiegħek.

b. Se tagħti u timxi mal-politika tal-privatezza pubblikata għall-App tiegħek li hija faċilment aċċessibblili u li tista' tinstab malajr mill-App tiegħek, li tirreferi għal u għandha ħolqa għall-Politika tal-Privatezza ta' Snap u li tiddeskrivi b'mod ċar u preċiż lill-utenti tal-App tiegħek x'informazzjoni tal-utenti int u l-App taċċessaw, tiġbru, taħżnu u kif u għaliex int u l-App tiegħek tużaw, tipproċessaw u taqsmu dik l-informazzjoni ma' Snap u ma' partijiet terzi oħra. Għalkemm l-utenti tal-App tiegħek jistgħu jipprovdu l-informazzjoni direttament lil Snap permezz tal-implimentazzjoni tal-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap, m'għandekx tipprovdi lil Snap bi kwalunkwe dejta personali sakemm int u Snap ma tkunux qbiltu dwarha bil-miktub.

ċ. Int u kull min qed jirrappreżentak għandkom iddaħħlu fis-seħħ u żżommu programm tas-sigurtà tal-informazzjoni li jimxi mal-istandards tal-industrija u mad-Dokumenti tal-Kaxxa tal-Għodda ta' Snap. Dal-programm tas-sigurtà tal-informazzjoni għandu jinkludi l-miżuri amministrattivi, tekniċi, fiżiċi u proċedurali kollha meħtieġa biex ikun sigur, effettiv u dettaljat fosthom il-miżuri tas-sigurtà meħtieġa biex: (i) iħares u jgħasses kontra t-theddidiet tas-sigurtà, il-perikli, is-serq u l-ftuħ, l-użu, l-iżvelar, il-qsim u l-bdil mingħajr permess tal-isem tal-utent u tal-password tal-kont u tad-Dejta tas-Servizzi tan-Negozju; (ii) jiżgura livell ta' kunfidenzjalità u sigurtà addattat għar-riskji li tħabbat wiċċek magħhom meta tipproċessa u tiġbor id-dejta tal-utenti, fosthom id-dejta personali, bl-App tiegħek; (iii) ma jħallix li d-dejta tal-utent miġbura mill-App, fosthom id-dejta personali, tiġi proċessata mingħajr permess jew kontra l-liġi; u (iv) iħares kontra t-telf, il-qsim jew il-qerda inċidentali ta', jew il-ħsara lill-, xi dejta tal-utent, fosthom id-dejta personali, miġbura mill-App tiegħek.

d. Kull tant żmien Snap tista' titolbok tibgħat l-App tiegħek biex niċċekkjawha u napprovawha. Int taqbel li taħdem id f'id ma' Snap matul dal-proċess ta' sottomissjoni u li twieġeb il-mistoqsijiet u tagħti l-informazzjoni u l-materjal raġjonevoli li titolbok Snap dwar l-App li tkun bgħatt. Jekk tagħmel xi bidliet kbar fl-App tiegħek wara s-sottomissjoni lil Snap jew wara li Snap tkun approvataha, jeħtieġlek terġa' tibgħat l-App tiegħek lil Snap. Tifhem u taqbel li Snap mhi taħt l-ebda obbligu li tapprova l-App tiegħek jew li tqassam l-App tiegħek jew xi kontenut mill-App tiegħek lil kwalunkwe utent ta' Snap. Snap tista' tiċħad, ittemm jew trażżan it-tqassim tal-App tiegħek jew tkwalunkwe kontenut tal-App tiegħek, meta trid u meta jidhrilha hi, mingħajr l-ebda responsabbiltà lejk.

e. Snap tista' żżomm għajnejha u tinvestiga lilek, l-App tiegħek u l-użu tal-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap (fosthom l-indirizzi tal-internet, is-siti, l-apps u s-siti l-oħra li l-App tiegħek twassal għalihom). M'għandekx ixxekkel dal-proċess. Jekk mitlub, għandek tagħti lil Snap prova li int u l-App tiegħek tikkonformaw ma' dawn ir-Regoli tal-Iżviluppaturi ta' Snap.

f. Għandek twieġeb għat-talbiet kollha tal-forzi tal-ordni kif mitlub mill-Liġi li Obbigati Nimxu Magħha.

ġ. INT BISS RESPONSABBLI GĦALL-APP TIEGĦEK, GĦALL-KONTENUT TIEGĦEK U GĦAL KWALUNKWE ĦSARA LI INT ĠĠARRAB, LI JĠARRBU L-UTENTI TIEGĦEK, IS-SISTEMI JEW L-APPARAT TAL-KOMPJUTER RISPETTIVI TIEGĦEK, FOSTHOM IT-TELF TAD-DEJTA U TAL-KONTENUT JEW KWALUNKEE ĦSARA JEW KORRIMENT IEĦOR IMĠARRAB MINN KWALUNKWE ASPETT TAL-UŻU TIEGĦEK TAL-PROGRAMM TAL-IŻVILUPPATURI TA' SNAP.

5. Stqarrijiet u Garanziji

Minbarra l-istqarrijiet u l-garanziji msemmija fir-Regoli tas-Servizzi tan-Negozju, int tistqarr u tagħtina garanzija li mhux se tħalli jew tippermetti jew tħeġġeġ lil kwalunkwe parti terza: (a) taqsam iċ-ċwievet, id-dettalji biex tidħol fil-kont jew it-tokens tal-aċċess tiegħek u li lanqas se tipprovdi b'xi mod ieħor aċċess għall-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap lil xi ħadd barra l-għaqda tiegħek; (b) tuża l-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap b'mod li jikser kwalunkwe regoli, linji gwida jew politiki tal-iżviluppaturi tal-apps tal-mowbajl jew tal-ħwienet tal-apps; (ċ) tuża l-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap b'mod li, kif tqis Snap, jaqbeż l-għadd ta' talbiet raġjonevoli, jitqies bħala użu abbużiv jew żejjed jew li b'xi mod ma jikkonformax mad-Dokumenti tal-Kaxxa tal-Għodda ta' Snap; (d) tuża l-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap biex turi jew b'xi mod ieħor taqsam materjal diskriminatorju, illegali, libelluż, malafamanti, pornografiku, marbut mal-mibegħda, vjolenti iżżejjed jew li jikser jew iħeġġeġ imġiba li tikser il-Liġi Applikabbli jew li juri jew juża l-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap jew kwalunkwe Faċilitajiet tad-Ditta ta' Snap fi kwalunkwe sitwazzjoni minn dawn li ġejjin; (e) tneħħi, taħbi jew tibdel kwalunkwe tagħrif legali, jeddijiet tal-awtur, marki kummerċjali jew tagħrif li juri s-sjieda tal-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap jew tiffalsifika jew tħassar kwalunkwe għarfien tal-awturi, tagħrif legali jew tikketti oħra dwar kif inħoloq jew inkiseb il-materjal; (f) tagħti x'tifhem li Snap jew l-imsieħba tagħha ħolqu, msieħba ma', qed jisponsorjaw jew japprovaw lilek jew l-App tiegħek; (ġ) tagħmel xi stqarrija jew tuża l-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap jew il-Faċilitajiet tad-Ditta ta' Snap f'xi riklami jew servizz ta' riklami jew tagħti x'tifhem li hemm xi sponsorship minn, approvazzjoni minn jew rabta falza ma' Snap, l-imsieħba ta' Snap, xi utent ta' Snap, il-fornituri tal-kontenut barra l-kumpanija tagħna jew l-imsieħba kummerċjali barra l-kumpanija tagħna; (ħ) taqsam, tikkoppja, tiġbor, tittraduċi, tuża, ixxandar, turi, tibdel jew toħloq xogħol imsejjes fuq xi Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap sakemm dawn ir-Regoli tal-Iżviluppaturi ta' Snap jew il-Liġi Applikabbli ma jagħtukx permess ċar tagħmel hekk; (i) tuża l-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap biex tikkompeti kontra jew tikkopja xi apps, prodotti jew servizzi ta' Snap; (j) tgħid li l-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap ġew minn xi pjattaforma soċjali jew pjattaforma oħra għajr Snap jew app ta' Snap; (k) tiġbor jew tipprova tiġbor xi dejta personali mingħand l-utenti tas-Servizzi għal xi għanijiet li m'għandekx permess tilħaq jew għal għanijiet kontra l-liġi; (l) tissellef, titlob jew titlob l-ismijiet tal-utenti, il-passwords jew id-dettalji tad-dħul fil-kont l-oħra ta' Snap; (m) tibni, tgħin tibni jew iżżid ma' xi segmenti, profili, magni tat-tiftix, servizzi tas-suġġerimenti, direttorji, bażijiet tad-dejta jew daħliet bħal dawn, fosthom biex niċċaraw il-grafiċi tal-ħbieb, jew torbot xi mġiba ta' xi bniedem, tagħmir, kontenut jew brawżer ma' xi segment, profil jew daħla bħal dawn, imsejsa fuq id-Dejta tas-Servizzi tan-Negozju jew xi informazzjoni oħra miksuba jew marbuta mal-fatt li tuża l-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap; (n) tuża l-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap b'rabta ma' xi apparat, fosthom app li tħaddem apparat, sakemm ma tkunx qbilt ma' Snap bil-miktub minn qabel dwar dil-ħaġa; (o) titlob il-flus għall-aċċess għall-Programm tal-Iżviluppaturi jew għas-Servizzi ta' Snap; jew (p) toħloq il-ftuħ tal-kontenut, it-talbiet, il-klikkijiet, il-konverżjonijiet jew twettaq xi għemil ieħor awtomatiku, qarrieqi, frawdolenti, artifiċjali jew b'xi mod ieħor li mhux tajjeb fuq xi App fosthom billi tikklikkja int stess għal għadd ta' drabi, billi tuża r-robots jew għodda awtomatika oħra jew billi tħallas lil xi ħadd, tqarraq b'xi ħadd jew twettaq xi għemil ieħor kontra l-liġi.

6. Kunfidenzjalità

a. Ma tistax taqsam l-Informazzjoni Kunfidenzjali ta' Snap ma' kwalunkwe parti terza mingħajr il-kunsens bil-miktub miksub minn qabel ta' Snap. Tista' taqsam l-Informazzjoni Kunfidenzjali ta' Snap meta obbligata tagħmel hekk bil-liġi jekk tgħarraf lil Snap minn qabel b'mod raġonevoli, sakemm qorti ma tordnax li Snap ma tirċiviex notifika.

b. Se tħassar l-Informazzjoni Kunfidenzjali ta' Snap u d-Dejta tas-Servizzi tan-Negozju kollha li għandek fil-possess tiegħek jew li tikkontrolla immedjatament (fosthom minn fuq is-servers tiegħek) jekk Snap titolbok tagħmel hekk jew malli dawn ir-Regoli tal-Iżviluppaturi ta' Snap ma jibqgħux jgħoddu għalik. Jekk Snap titolbok tagħmel hekk, għandek tagħti prova li ħassart u qridt did-dejta.

ċ. Tirrikonoxxi u taqbel li Snap tista' toħloq apps, kontenut u prodotti u servizzi oħra minn rajha li jistgħu jixbhu jew jikkompetu mal-App tiegħek u l-ebda ħaġa f'dawn ir-Regoli tal-Iżviluppaturi ta' Snap m'għandha tinftiehem li Snap ma tistax jew li hi mrażżna milli toħloq u tieħu kemm tista' mit-tali apps, kontenut u ħwejjeġ oħra, mingħajr ebda restrizzjoni jew obbligu lejk.

7. Regoli u Politiki Addizzjonali

Ir-regoli deskritti hawn taħt huma Regoli u Politiki Addizzjonali u huma inkorporati b'referenza f'dawn ir-Regoli tal-Iżviluppaturi ta' Snap jekk tuża s-Servizzi tan-Negozju għall-għanijiet imsemmija f'dawk ir-regoli:

Is-Servizzi tan-Negozju oħra jistgħu ukoll ikunu regolati mir-Regoli u l-Politiki Addizzjonali, li se jkunu disponibbli għalik meta tagħżel li tuża dawk is-Servizzi tan-Negozju speċifiċi u dawk ir-Regoli u l-Politiki Addizzjonali huma inkorporati b'referenza f'dawn ir-Regoli tal-Iżviluppaturi ta' Snap meta taqbel magħhom.

8. Ġenerali

a. Minbarra l-jeddijiet li tagħti lil Snap skont ir-Regoli tas-Servizz tan-Negozju, taqbel li Snap u l-imsieħba tagħha jistgħu jużaw ismek, il-logos jew kwalunkwe stampa jew informazzjoni oħra li tista' tidentifkak u stampi u filmati tal-App li juru l-użu tiegħek tal-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap, għal kwalunkwe għan kummerċjali mingħajr kunsens, fosthom għar-riċerka jew għall-istħarriġ ma l-użu tiegħek tas-Servizzi tan-Negozju. Ma tista tagħmel l-ebda stqarrija pubblika dwar il-fatt li għandek aċċess għal, jew li tuża, il-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap sakemm ma tkunx ksibt il-permess bil-miktub ta' Snap minn qabel. Kull stqarrija pubblika approvata minn Snap għandha timxi mar-regoli tat-tiswiq, tad-ditta u tal-għarfien ta' Snap, fosthom il-Linji Gwida tad-Ditta ta' Snap.

b. Mat-terminazzjoni ta' dawn ir-Regoli tal-Iżviluppaturi ta' Snap jew kwalunkwe Regoli u Politiki Addizzjonali oħra li huma parti minn dawn ir-Regoli tal-Iżviluppaturi ta' Snap, int se twaqqaf l-użu tal-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap minnufih, se tneħħi l-Faċilitajiet tad-Ditta ta' Snap kollha mill-App u se tħassar il-metadejta kollha mis-sistemi tiegħek.

ċ. Dawn ir-Regoli tal-Iżviluppaturi ta' Snap huma l-fehim u l-ftehim kollu bejnek u bejn Snap fejn jidħol il-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap u jieħu post kulll ftehim ieħor bejnek u bejn Snap fejn jidħol il-Programm tal-Iżviluppaturi ta' Snap.