Regoli ta' Udjenza minn Lista ta' Klijenti

Fis-seħħ minn: 25 ta’ Lulju 2023

JEKK JOGĦĠBOK ŻOMM F'MOĦĦOK: NHAR IL-5 TA' APRIL 2022 BDILNA L-ISEM “TQABBIL TAL-UDJENZA TA' SNAP” GĦAL “UDJENZA MINN LISTA' TA' KLIJENTI”. KULL DARBA LI JISSEMMA L-ISEM “TQABBIL TAL-UDJENZA TA' SNAP”, DAN SE JKUN QED JIRREFERI GĦAL “UDJENZA MINN LISTA' TA' KLIJENTI”

AVVIŻ DWAR L-ARBITRAĠĠ: INT MARBUT/A BID-DISPOŻIZZJONI TAL-ARBITRAĠĠ SKONT IR-REGOLI TAS-SERVIZZ GĦAN-NEGOZJU. JEKK SE TIDĦOL FI FTEHIM MA' SNAP INC., INT U SNAP INC. IĊĊEDU KULL JEDD LI TIEĦDU SEHEM FI PROĊEDIMENT KOLLETTIV JEW F'ARBITRAĠĠ BĦALA GRUPP.

Introduzzjoni

Dawn ir-Regoli tal-Udjenza minn Lista ta' Klijenti huma ftehim b'rabta legali bejnek u bejn Snap, jgħoddu meta tuża l-programm tat-tqabbil tal-udjenza tas-Servizzi għan-Negozju ta' Snap (“Udjenza minn Lista ta' Klijenti”) u huma parti mir-Regoli tas-Servizzi għan-Negozju. Fir-Regoli tas-Servizzi tan-Negozju tista' ssib it-tifsira ta' wħud mill-kliem użati f'dawn ir-Regoli tal-Udjenza minn Lista ta' Klijenti.

1. Udjenza minn Lista ta' Klijenti

Udjenza minn Lista ta' Klijenti huwa servizz li jħallik tibgħat id-dejta (“Dejta Għarrafa”) lil Snap u l-imsieħba tagħha biex toħloq udjenzi personalizzati (kull waħda minnhom tissejjaħ “Udjenza”). Sakemm ma titlobhiex xorta oħra, Snap mhux se tuża d-Dejta Għarrafa u l-Udjenza tiegħek għal xi skop ieħor għajr li tagħtik servizzi tar-riklami, fosthom Riklami personalizzati f'ismek. 

Sakemm ma jintalbux jagħmlu hekk minn Liġi li Obbligati Jimxu Magħha jew sakemm ma tkunx tajt il-kunsens tiegħek bil-miktub, Snap u l-imsieħba tagħha: (a) mhux se jużaw id-Dejta Għarrafa jew l-Udjenzi għall-benefiċċju ta' riklamaturi oħra; u (b) mhux se jaqsmu d-Dejta Għarrafa ma' persuni naturali u persuni legali oħra. Snap se tħares il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-Dejta Għarrafa billi żżomm fis-seħħ sistemi għas-sigurtà maħsuba biex: (y) iħarsu s-sigurtà u l-integrità tad-Dejta Għarrafa sakemm tkun fis-sistemi ta' Snap; u (z) iħarsu kontra aċċess, użu, bidla jew kxif tad-Dejta Għarrafa, bi żball jew mingħajr permess, sakemm id-dejta tkun fis-sistemi ta' Snap. Jekk id-Dejta Għarrafa jkun fiha xi dejta personali, din se tiġi pproċessata skont ir-Regoli tad-Dejta Personali fosthom il-Ftehim tal-Ipproċessar tad-Dejta u r-Regoli tal-Privatezza għall-Istati Uniti tal-Amerka.

2. Aċċess

Sakemm Snap ma tagħtikx permess tagħmel hekk mill-portal tas-Servizzi għan-Negozju u sakemm ma tagħtix kelmtek u garanzija li dik il-persuna jew l-entità se timxi mar-Regoli ta' Udjenza minn Lista ta' Klijenti u li int se tkun responsabbli għal kull obbligu li dik il-persunua jew entità marbuta bih, ma tistax taqsam l-aċċess għal Udjenza minn Lista ta' Klijenti ma' nies jew entitajiet oħra. Skont ir-restrizzjonijiet imsemmija hawn fuq u fir-Regoli tas-Servizzi għan-Negozju u sakemm Snap ma tagħtikx permess bil-miktub xorta oħra, ma tistax tuża d-Dejta tas-Servizzi għan-Negozju li tikseb mingħand Snap b'rabta ma' Udjenza minn Lista ta' Klijenti ħlief biex tieħu ħsieb f'ismek il-kampanji tar-riklami li tmexxi fuq is-Servizzi tagħna jew, jekk qed tuża Udjenza minn Lista ta' Klijenti bħala aġent f'isem entità oħra, biex tmexxi l-kampanji tar-riklami ta' dik l-entità fuq is-Servizzi tagħna.

3. Ftehim Sħiħ

Dawn ir-Regoli tal-Udjenza minn Lista ta' Klijenti jagħtu stampa tal-fehim u l-ftehim kollu bejnek u bejn Snap fejn jidħlu l-Udjenzi minn Lista ta' Klijenti u jieħdu post kull ftehim ieħor bejnek u bejn Snap fejn jidħlu l-Udjenzi minn Lista ta' Klijenti.

Fi ftit kliem: Dawn huma r-regoli fis-seħħ meta tuża l-programm tat-tqabbil tal-udjenza ta' Snap. Meta tagħti d-dejta dwar udjenza permezz tal-programm Udjenza minn Lista ta' Klijenti lil Snap, aħna se nieħdu xi miżuri maħsuba biex inħarsu s-sigurtà ta' dik id-dejta u mhu se nużaw id-dejta bl-ebda mod li mhux imsemmi hawn fuq. Ma tistax taqsam Udjenza minn Lista ta' Klijenti ma' ħaddieħor sakemm ma nagħtukx permess li tagħmel hekk. Id-dejta miksuba minn Udjenza minn Lista ta' Klijenti tista' tintuża biss biex tmexxi l-kampanja tar-riklami tiegħek (jew tal-klijent tiegħek).