Dawn ir-Regoli ta' Monetizzazzjoni ta' Snap jissostitwixxu u jieħdu prijorità fuq r-Regoli ta' Stories għall-Kreaturi, fis-seħħ mill-1 ta' Frar, 2025, jekk kienu aċċettati minn qabel minnek.
Regoli tal-Monetizzazzjoni ta' Snap
Data li Tidħol fis-seħħ: 1 ta' Frar, 2025
AVVIŻ DWAR L-ARBITRAĠĠ: JEKK INT TGĦIX FL-ISTATI UNITI JEW JEKK IL-POST PRINĊIPALI TAN-NEGOZJU TIEGĦEK JINSAB FL-ISTATI UNITI, INT MARBUT(A) BID-DISPOŻIZZJONI DWAR L-ARBITRAĠĠ STABBILITA FIR- REGOLI TAS-SERVIZZ TA' SNAP INC.: ĦLIEF GĦAL ĊERTI TIPI TA' TILWIMIET IMSEMMIJIN F'DIK IL-KLAWŻOLA TA' ARBITRAĠĠ, INT U SNAP INC. NAQBLU LI T-TILWIMIET BEJNIETNA SE JIĠU SOLVUTI B'ARBITRAĠĠ VINKOLANTI OBBLIGATORJU KIF STABBILIT FIR- REGOLI TAS-SERVIZZ TA' SNAP INC., U LI INT U SNAP INC. TIRRINUNZJAW GĦAL KWALUNKWE DRITT LI TIEĦDU SEHEM FI KWALUNKWE AZZJONI KOLLETTIVA JEW ARBITRAĠĠ KOLLETTIV. INT GĦANDEK ID-DRITT LI MA TIPPARTEĊIPAX FL-ARBITRAĠĠ KIF SPJEGAT F'DIK ID-DISPOŻIZZJONI DWAR L-ARBITRAĠĠ.
JEKK QED TUŻA S-SERVIZZI F'ISEM NEGOZJU U L-POST PRINĊIPALI TAN-NEGOZJU TIEGĦEK TINSAB BARRA MILL-ISTATI UNITI, ALLURA N-NEGOZJU TIEGĦEK IKUN MARBUT BID-DISPOŻIZZJONI DWAR L-ARBITRAĠĠ LI TIDHER FIR-REGOLI TAS-SERVIZZ TA' SNAP GROUP LIMITED.
Merħba! Ninsabu eċitati li għandek interess fil-Programm ta' Monetizzazzjoni ta' Snap ("Programm"), li jippermetti lill-utenti eliġibbli li jiġu aċċettati fil-Programm jirċievu inċentivi monetarji talli jwettqu ċerti servizzi koperti minn dawn it-Termini tal-Monetizzazzjoni, li aħna niddefinixxu bħala "Attività Li Tikkwalifika" u deskritti aktar 'l isfel. Abbozzajna dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni biex int tkun taf ir-regoli li japplikaw għall-parteċipazzjoni tiegħek fil-Programm u jirregolawha. Dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni jifformaw kuntratt b'rabta legali bejnek u l-entità Snap elenkata hawn taħt ("Snap"), u allura għandek taqrahom bir-reqqa. Huma biss l-utenti li jaċċettaw u jikkonformaw ma' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni li se jkunu eliġibbli biex jieħdu sehem fil-Programm.
Għar-raġunijiet ta' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni, "Snap" tfisser:
Snap Inc., jekk int tgħix fl-Istati Uniti jew il-post prinċipali tan-negozju tiegħek jinsab fl-Istati Uniti;
Snap India Camera Private Limited, jekk int tgħix fl-Indja jew il-post prinċipali tan-negozju tiegħek jinsab fl-Indja;
Snap Group Limited Singapore Branch, jekk int tgħix fir-reġjun tal-Ażja-Paċifiku (għajr l-Indja) jew il-post prinċipali tan-negozju tiegħek jinsab fir-reġjun tal-Ażja-Paċifiku (għajr l-Indja); jew
Snap Group Limited, jekk int tgħix fi kwalunkwe post ieħor fid-dinja jew il-post prinċipali tan-negozju tiegħek jinsab fi kwalunkwe post ieħor fid-dinja.
Dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni jinkorporaw b'referenza r-Regoli tas-Servizz ta' Snap, il-Linji Gwida tal-Komunità, il-Linji Gwida dwar il-Kontenut għall-Eliġibbiltà għal Rakkomandazzjoni, il-Linji Gwida dwar il-Mużika fuq Snapchat, il-Politika dwar il-Monetizzazzjoni għall-Kreaturi, il-Politika dwar il-Kontenut Kummerċjali, ir-Regoli dwar il-Promozzjonijiet, u kwalunkwe regola, linja gwida u politika applikabbli oħra. Meta dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni jkunu f'kunflitt ma' kwalunkwe regoli oħrajn, dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni jirregolaw fir-rigward tal-parteċipazzjoni tiegħek fil-Programm. Il-Programm hu parti mis-"Servizzi" ta' Snap kif definiti fir-Regoli tas-Servizz ta' Snap. Ir-regoli kapitalizzati kollha użati iżda mhux definiti f'dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni għandu jkollhom it-tifsiriet rispettivi stabbiliti fir-Regoli tas-Servizz ta' Snap jew ir-regoli applikabbli li jirregolaw is-Servizzi. Kwalunkwe kont jew kontenut li jikser dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni mhux se jkun eliġibbli għall-monetizzazzjoni.
Meta aħna nkunu pprovdejna sommarji f'dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni, aħna nkunu għamilna dan għall-konvenjenza tiegħek biss. Għandek taqra dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni bis-sħiħ biex tifhem il-jeddijiet u l-obbligi legali tiegħek.
Il-Programm hu miftuħ bi stedina biss. Biex tkun eliġibbli għal stedina, trid tissodisfa r-rekwiżiti ta' eliġibbiltà minima li ġejjin ("Eliġibbiltà Minima"):
Int trid tkun tgħix (jekk int individwu), jew ikollok il-post prinċipali tan-negozju tiegħek (jekk int entità), f'Reġjun Eliġibbli. Il-ħlasijiet jistgħu jsiru biss fir-reġjuni limitati elenkati fil-Linji Gwida dwar il-Ħlasijiet tal-Kristalli (ir-“Reġjuni Eliġibbli”). Nistgħu nimmodifikaw il-lista ta' Reġjuni Eliġibbli skont id-diskrezzjoni tagħna.
Jekk int individwu, trid tal-inqas tkun ta' l-età minima legali tal-maġġoranza ta' adulti fil-ġurisdizzjoni tiegħek (jew, jekk applikabbli, tal-inqas 16-il sena bil-kunsens tal-ġenituri). Jekk il-kunsens(i) tal-ġenituri jew tal-gwardjan(i) legali hu meħtieġ skont il-liġi applikabbli, allura int tkun tista' tieħu sehem fil-Programm biss taħt is-superviżjoni tal-ġenitur(i)/tal-gwardjan(i) legali tiegħek, li jridu jaqblu wkoll li jintrabtu b'dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni. Int tirrappreżenta u tiggarantixxi li ksibt il-kunsens(i) kollha bħal dawn (inkluż il-kunsens ta' żewġ ġenituri, jekk ikun meħtieġ fil-ġurisdizzjoni tiegħek).
Jekk qed taġixxi f'isem entità, irid ikollok mill-inqas 18-il sena (jew l-età legali tal-maġġoranza ta' adulti fl-istat, fil-provinċja, jew fil-pajjiż tiegħek) u jkollok l-awtorità li torbot entità bħal din. Ir-referenzi kollha għal "int" u "tiegħek" f'dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni jfissru kemm int bħala l-utent finali kif ukoll dik l-entità.
Trid tipprovdi lil Snap, u lill-fornitur tal-ħlas terz awtorizzat tagħha ("Fornitur tal-Ħlas"), b'Informazzjoni ta' Kuntatt preċiża u aġġornata (definita hawn taħt), minbarra kwalunkwe informazzjoni oħra li tista' tkun meħtieġa biex isirlek ħlas. “Informazzjoni ta' Kuntatt” kif użat hawnhekk se jfisser l-isem u l-kunjom legali tiegħek, l-email, in-numru tat-telefown, l-istat u l-pajjiż tar-residenza tiegħek, u kwalunkwe informazzjoni oħra li tista' tkun meħtieġa minn żmien għal żmien, biex Snap jew il-Fornitur tal-Ħlas tagħha jistgħu jikkuntattjawk u jikkawżaw li jsir ħlas lilek (jew lill-ġenitur/kustodju(i) legali jew lill-entità tan-negozju tiegħek, jekk applikabbli) jekk tikkwalifika għal ħlas hawn taħt, jew f'konnessjoni ma' kwalunkwe rekwiżiti legali.
Trid tissodisfa r-rekwiżiti kollha neċessarji biex tistabbilixxi kont tal-ħlas ("Kont tal-Ħlas") validu mal-Fornitur tal-Ħlas tagħna.
Il-kont ta' Snapchat u l-Kont tal-Ħlas tiegħek iridu jkunu attivi, fi stat tajjeb (kif iddeterminat minna), u f'konformità ma' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni f'kull ħin.
Int (jew il-ġenitur/gwardjan(i) legali tiegħek, kif applikabbli) tridu tgħaddu mir-reviżjoni tal-konformità ta' Snap u tal-Fornitur tal-Ħlas tagħna.
Int la int (i) impjegat, uffiċjal jew direttur ta' Snap jew tal-kumpaniji omm, sussidjarji jew kumpaniji affiljati tagħha; u lanqas (ii) entità tal-gvern, sussidjarja jew affiljat ta' entità tal-gvern, jew membru ta' familja rjali.
Aħna nirriżervaw id-dritt li nitolbu kwalunkwe informazzjoni neċessarja biex nivverifikaw li int tissodisfa r-rekwiżiti ta' Eliġibbiltà Minima. Il-fatt li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Eliġibbiltà Minima ma jiggarantilekx stedina għall-, jew l-involviment kontinwu tiegħek f', il-Programm. Aħna nirriżervaw id-dritt li nneħħu lil kwalunkwe utent mill-Programm ta' Monetizzazzjoni fi kwalunkwe ħin għal kwalunkwe raġuni.
Fi Ftit Kliem: Il-Programm hu bi stedina biss. Trid tissodisfa ċerti rekwiżiti minimi biex tkun eliġibbli għal stedina għall-Programm. Dawn jinkludu l-età, il-post, il-kunsens tal-ġenitur(i), u ċerti rekwiżiti relatati mal-kont. Il-fatt li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti ma jiggarantilekx stedina għall-Programm. Int trid tipprovdilna informazzjoni li hija vera u aġġornata, kif ukoll tikkonforma ma' dawn ir- Regoli tal-Monetizzazzjoni f'kull ħin.
Jekk tissodisfa r-rekwiżiti tal-Eliġibbiltà Minima u tirċievi stedina għall-Programm, Snap tista' tippremjak billi tħallsek talli twettaq is-servizzi deskritti hawnhekk (“Attività Li Tikkwalifika”). Kwalunkwe pagament bħal dan ("Pagament") jista' jiġi ffinanzjat jew minn Snap jew minn sehem mill-qligħ li nirċievu mir-reklami distribwiti b'rabta mas-Servizzi.
Attività Li Tikkwalifika tista' tinkludi:
Li ttellgħa Kontenut Pubbliku li fih niddistribwixxu reklami; jew
It-twettiq ta' kwalunkwe attività oħra li aħna niddeżinjaw bħala Attività Li Tikkwalifika, dment li int taċċetta kwalunkwe regola addizzjonali li jista' jkun li neħtieġu (li għandu jkun inkorporat f'dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni).
L-Attività Li Tikkwalifika tiġi ddeterminata minn Snap fid-diskrezzjoni tagħha. “Kontenut Pubbliku” għandu jkollu t-tifsira stabbilita fir-Regoli tas-Servizz ta' Snap. Barra minn hekk, biex il-kontenut li int tippostja fis-Servizzi jkun eliġibbli għal rakkomandazzjoni algoritmika, dan irid ikun jikkonforma mal-Linji Gwida tagħna dwar il-Kontenut għall-Eliġibbiltà għal Rakkomandazzjoni. Nistgħu nirrevedu l-kont u l-kontenut tiegħek għall-konformità mar-regoli u mal-politiki tagħna. Għal-fini ta' ċarezza, aħna bħala Snap se jkollna d-dritt, iżda mhux l-obbligu, li niddistribwixxu l-kontenut li int tippostja fuq Snapchat f'konformità mar-Regoli tas-Servizz ta' Snap. Int tista' tħassar is-Snaps tiegħek fi kwalunkwe ħin.
Fi Ftit Kliem: Nistgħu nippremjawk billi nħallsuk talli tieħu sehem f'ċerti attivitajiet. Id-drittijiet li int tagħtina, u l-obbligi tiegħek, fir-rigward tal-Kontenut Pubbliku li tippostja huma stabbiliti fir-Regoli tas-Servizz tagħna u fil-Linji Gwida tagħna dwar il-Kontenut għall-Eliġibbiltà għal Rakkomandazzjoni. L-attivitajiet tiegħek, il-kont tiegħek, u l-kontenut li tippostja dejjem iridu jkunu konformi mar-regoli, mal-politiki u mal-linji gwida tagħna. Aħna nistgħu niċċekkjaw il-kont tiegħek u l-kontenut li tippostja biex niddeterminaw jekk jikkonformawx. M'għandna l-ebda obbligu li niddistribwixxu l-kontenut li int tippostja fuq Snapchat u int tista' tħassar kontenut bħal dan fi kwalunkwe ħin.
Traċċar ta' Attività Li Tikkwalifika. Aħna nittrekkjaw l-Attività Li Tikkwalifika tiegħek bl-użu ta' "Kristalli" ("Crystals"), li huma mod intern tal-kejl li nużaw biex nittrekkjaw Attività Li Tikkwalifika ta' Kreatur matul perjodu partikolari. In-numru ta' Kristalli li nittrekkjaw u nirreġistraw għal Attività Li Tikkwalifika jista' jvarja skont il-kriterji u l-formuli interni tagħna, li aħna nistgħu nimmodifikaw minn żmien għal żmien bid-diskrezzjoni unika tagħna. Int tista' tara n-numru stmat ta' Kristalli li aħna rreġistrajna għall-Attività Li Tikkwalifika tiegħek billi tmur fil-profil tal-utent tiegħek fl-app ta' Snapchat. Jekk jogħġbok żomm f'moħħok li t-tali numri li tista tara fuq il-profil tal-utent tiegħek huma stimi preliminari kkalkolati għal skopijiet tal-kontabilità interni tagħna.
Għall-fini ta' ċarezza, il-Kristalli jintużaw biss bħala għodda interna ta' kejl użata minna. Il-Kristalli mhumiex maħsuba biex jagħtu jew jimplikaw xi drittijiet jew jirrappreżentaw xi obbligi, mhumiex forma ta' propjetà, mhumiex trasferibbli jew assenjabbli, u ma jistgħux jinxtraw jew ikunu s-suġġett ta' bejgħ, ta' tpartit jew ta' skambju.
L-ammonti tal-pagamenti għal Attività Li Tikkwalifika jiġu ddeterminati minna fuq il-bażi tan-numru finali ta' Kristalli li nkunu rreġistrajna għal Attività Li Tikkwalifika bħal din, f'konformità mal-formuli tal-pagamenti proprjetarja tagħna. Il-formula tal-pagamenti tagħna tista' tiġi adattata minna minn żmien għal żmien u hi bbażata fuq numru ta' fatturi, li jistgħu jinkludu l-frekwenza u l-ħin li ttella l-posts tiegħek, in-numru ta' reklami ddistribwiti fil-kontenut li tippostja, u l-interazzjonijiet tal-utenti ma' kontenut bħal dan. Kull ammont ta' ħlas muri fl-app ta' Snapchat huwa biss valur li hu stmat u suġġett għal bidla. L-ammonti finali ta' kwalunkwe pagament jiġu riflessi fil-Kont tal-Pagamenti tiegħek
Kif Titlob Pagament. Ladarba nkunu rreġistrajna biżżejjed Kristalli għall-Attività Li Tikkwalifika tiegħek biex jintlaħaq limitu minimu ta' pagament ta' $100 dollaru, int tkun tista' titlob pagament billi tagħżel l-għażla rilevanti fil-profil tal-utent tiegħek. Il-pagament jinħareġ għall-Kont tal-Pagamenti tiegħek, kif ikun permess mil-liġi u suġġett għall-konformità tiegħek ma' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni.
JEKK JOGĦĠBOK KUN AF LI: JEKK (A) MA NKUNUX IRREĠISTRAJNA KRISTALLI GĦAL XI ATTIVITÀ LI TIKKWALIFIKA MINNEK GĦAL PERJODU TA' SENA, JEW (B) INT MA TKUNX TLABT PAGAMENT B'MOD VALIDU SKONT IL-PARAGRAFU TA' QABEL DAN GĦAL PERJODU TA' SENTEJN, ALLURA — FI TMIEM IL-PERJODU APPLIKABBLI — AĦNA NOĦORĠU PAGAMENT GĦALL-KONT TAL-PAGAMENTI TIEGĦEK FUQ IL-BAŻI TA' KWALUNKWE KRISTALL LI NKUNU RREĠISTRAJNA U ATTRIBWEJNA GĦALL-ATTIVITÀ LI TIKKWALIFIKA TIEGĦEK SA TMIEM DAN IL-PERJODU SUĠĠETT GĦALL-KONFORMITÀ TIEGĦEK MA' DAWN IR-REGOLI TAL-MONETIZZAZZJONI. JEKK, FI TMIEM IL-PERJODU APPLIKABBLI, INT MA TKUNX ISSODISFAJT KWALUNKWE REKWIŻIT STABBILIT F'DAWN IR-REGOLI TAL-MONETIZZAZZJONI, INT MA TKUNX ELIĠIBBLI BIEX TIRĊIEVI KWALUNKWE PAGAMENT B'RABTA MA' TALI ATTIVITÀ LI TIKKWALIFIKA.
Il-pagamenti jistgħu jsirulek f'isem Snap, l-entitajiet sussidjarji tagħha jew dawk affiljati magħha, jew il-Fornituri tal-Pagamenti tagħna, li jistgħu jaġixxu bħala l-entità li tħallas skont dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni. Snap mhix se tkun responsabbli għal xi dewmien, nuqqas jew inabilità ta' trasferiment ta' Pagamenti fil-Kont tal-Pagamenti tiegħek minħabba kwalunkwe raġuni barra mill-kontroll ta' Snap, inkluż in-nuqqas min-naħa tiegħek li tirrispetta dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni. Snap mhix se tkun responsabbli jekk ħadd ieħor li ma jkunx inti jitlob Pagament billi juża l-kont ta' Snapchat tiegħek jew jittrasferixxi l-Pagamenti tiegħek billi juża l-informazzjoni tal-Kont tal-Pagamenti tiegħek. Il-pagament se jsir f'dollari tal-Istati Uniti, imma tista' tagħżel li tiġbed il-fondi mill-Kont tal-Pagamenti tiegħek fil-munita lokali tiegħek, suġġett għat-tariffi tal-użu, tal-kambju, u tat-tranżazzjoni, kif spjegati ulterjorment fil-Linji Gwida dwar il-Ħlas tal-Kristalli, u suġġett għar-regoli tal-Fornitur tal-Pagamenti tagħna. Snap mhix responsabbli għal fondi mhux miġbuda fil-Kont tal-Pagamenti tiegħek.
Minbarra drittijiet u rimedji oħra tagħna, aħna nistgħu, sa fejn permess mil-liġi, bla ma nipprovdu twissija jew avviż minn qabel, inżommu, nibbilanċjaw, naġġustaw jew neskludu kwalunkwe pagament lilek skont dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni għal Attività Invalida suspettata (kif definita hawn taħt), nuqqas ta' konformità ma' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni, kwalunkwe pagament eċċess li jsirlek bi żball, jew biex nibbilanċjaw tali ammonti ma' kwalunkwe tariffa li int tkun dovut(a) tħallasna skont kwalunkwe ftehim ieħor.
Fi Ftit Kliem: Aħna nużaw il-Kristalli biex nittrekkjaw l-Attività Li Tikkwalifika tiegħek u nikkalkulaw l-ammont ta' kwalunkwe Pagament. Għandna limitu minimu ta' $100 dollaru għal Pagament. Malli tilħaq il-limitu, tkun tista' titlob pagament mingħandna. Jekk, wara ċertu perjodu ta' żmien, int tonqos milli tagħmel dan, aħna nippruvaw noħorġulek il-pagament dment li int tkun konformi ma' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni. Jekk int ma tkunx, ma tkunx eliġibbli biex tirċievi pagament u kwalunkwe Kristall applikabbli jiġi annullat. Mhux se nkunu responsabbli fil-konfront tiegħek għal kwalunkwe problema fil-pagament li tirriżulta barra mill-kontroll tagħna. Nistgħu nżommu jew nibbillanċjaw Pagament lilek jekk tikser dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni jew kwalunkwe ftehim ieħor magħna.
Int taqbel u tagħraf li int biss għandek ir-responsabbiltà u l-obbligazzjoni għal kwalunkwe u kull taxxa, dazju jew tariffa b'rabta ma' kwalunkwe pagament li tista' tirċievi skont dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni. Pagamenti mibgħuta jinkludu fihom kwalunkwe taxxa tal-bejgħ, tal-użu, tas-sisa, tal-valur miżjud, tal-prodotti u s-servizzi applikabbli jew taxxi applikabbli simili li aħna nkunu obbligati nħallsuk. Jekk, skont il-liġi fis-seħħ, it-taxxi jkollhom jitnnaqsu jew jinżammu minn kwalunkwe Pagament li nibagħtulek, allura Snap, l-affiljata tagħha, jew il-Fornitur tal-Pagamenti tagħha jista' jnaqqas dawn it-taxxi mill-ammont dovut lilek u jħallas dawn it-taxxi lill-awtorità tat-taxxa xierqa kif meħtieġ mil-liġi applikabbli. Int taqbel u tagħraf li l-Pagament li jsirlek hekk kif imnaqqas minn tnaqqis bħal dan jew miżmum se jikkostitwixxi pagament u kondizzjonijiet sħaħ għalik tal-ammonti pagabbli skont dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni. Bħala parti mill-istabbiliment ta' Kont validu tal-Pagamenti, int se tipprovdi lil Snap, lis-sussidjarji tagħha, lill-affiljati tagħha, u lil kwalunkwe Fornitur tal-Pagamenti tagħha bi kwalunkwe formola jew dokument li jista' jkun meħtieġ biex jiġi ssodisfat kwalunkwe obbligu ta' rapportar ta' informazzjoni jew ta' żamma tat-taxxa skont dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni.
Fi Ftit Kliem: Int responsabbli għat-taxxi, għad-dazji jew għat-tariffi kollha li huma relatati mal-Pagamenti tiegħek. Nistgħu nagħmlu t-tnaqqis mill-pagamenti meħtieġ mil-liġi applikabbli. Int se tipprovdi kwalunkwe formola jew dokument meħtieġ għal dawn l-għanijiet.
Kif iddikjarat fir-Regoli tas-Servizz ta' Snap, is-Servizzi jista' jkun fihom reklami. B'rabta mal-parteċipazzjoni tiegħek fil-Programm, int taqbel li int qed tqabbad lilna, lill-imsieħba tagħna, u lis-sħab terzi tagħna, biex niddistribwixxu reklamar b'rabta mal-Kontenut Pubbliku li int tippostja skont id-diskrezzjoni unika tagħna. Int taqbel li tiffaċilita d-distribuzzjoni ta' reklami bħal dawn billi taqbel ma' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni u tirrispettahom u billi tkompli tipprovdi lil Snap b'aċċess għal kwalunkwe Kontenut Pubbliku li int tissottometti bħala parti mill-Programm suġġett għal dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni. Aħna se niddeterminaw l-aspetti kollha tar-reklami distribwiti fuq is-Servizzi, jekk ikun hemm, inklużi t-tip, il-format u l-frekwenza tar-reklami distribwiti b'rabta mal-Kontenut Pubbliku li int tissottometti bħala parti mill-Programm skont id-diskrezzjoni unika tagħna. Aħna nirriżervaw ukoll il-jedd, skont id-diskrezzjoni tagħna, li, għal kwalunkwe raġuni, ma nurux reklami fuq il-Kontenut Pubbliku li int tippostja, fih jew maġenbu. Jekk int tgħix barra mill-Istati Uniti, int (u kwalunkwe kollaboratur, kontributur, jew amministratur li jippostja mill-kont tiegħek) trid tkun fiżikament tinsab barra mill-Istati Uniti u fi ħdan Reġjun Eliġibbli meta twettaq kwalunkwe servizz u tiffaċilita d-distribuzzjoni ta' reklami b'rabta mal-Attività Li Tikkwalifika tiegħek.
Fi Ftit kliem: Int qed titlobna niddistribwixxu r-reklamar fil-kontenut li int tippostja fuq Snapchat b'rabta mal-Programm. Aħna niddeċiedu r-reklamar li jkun distribwit fil-kontenut jew le. Jekk int tgħix barra mill-Istati Uniti, il-post fiżiku tiegħek hu importanti meta tkun qed twettaq l-Attività Li Tikkwalifika.
Biex ma jkun hemm l-ebda dubju, fir-rigward ta' kwalunkwe u kull ilment, tariffi, talbiet, danni, telf, kostijiet, obbligazzjonijiet, u spejjeż (li jinkludu tariffi tal-avukati) ("Talbiet") relatati mal-kontenut li tippostja fuq Snapchat (kif stabbilit fir-Regoli tas-Servizz ta' Snap), int taqbel, sa fejn permess mil-liġi, li tindennizza lil Snap, tiddefendiha u tirrinunzja r-responsabbiltà tagħha, u tal-affiljati, tad-diretturi, tal-uffiċjali, tal-azzjonisti, tal-impjegati, tal-liċenzjaturi u tal-aġenti tagħna minn u kontra kwalunkwe u kull Talba minħabba, li tirriżulta minn, jew relatata b'xi mod ma' kwalunkwe Talba li int ma tkunx ħallast kwalunkwe ammont li jkun jew li jsir pagabbli lil kwalunkwe unjon, għaqda (inklużi, iżda mhux biss, royalties, residwi u tariffi tal-użu mill-ġdid), fornitur, mużiċist, kompożitur (inklużi, iżda mhux biss, tariffi tal-liċenzja tas-sinkronizzazzjoni), għaqda għall-prestazzjonijiet pubbliċi u organizzazzjoni għad-drittijiet relatati mal-prestazzjonijiet (eż., ASCAP, BMI, SACEM, u SESAC), attur, impjegat, kuntrattur indipendenti, fornitur ta' servizzi, u kwalunkwe detentur ta' drittijiet ieħor b'rabta mad-distribuzzjoni tal-kontenut li int tippostja fuq is-Servizzi.
Fi Ftit Kliem: Int responsabbli biex tagħmel kwalunkwe pagament dovut lil oħrajn b'rabta mal-kontenut li tippostja. Jekk tonqos milli tagħmel dan u dan jikkawżalna d-danni, int se tikkumpensana.
Meta niddeterminaw jekk attività tikkostitwixxix Attività Li Tikkwalifika jew l-ammont ta' kwalunkwe Pagament, aħna nistgħu neskludu attività li żżid b'mod artifiċjali n-numru ta' viżwalizzazzjonijiet (jew metriki oħra ta' viżwalizzazzjoni jew ta' interazzjoni) tal-kontenut li int tippostja ("Attività Invalida"). Attività Invalida tiġi ddeterminata minn Snap skont id-diskrezzjoni unika tagħha, u tinkludi spam, klikks, tfittxijiet, tweġibiet, likes, żieda mal-favoriti, segwitu, abbonamenti, impressjonijiet, jew kwalunkwe metrika oħra ta' interazzjoni:
iġġenerati minn kwalunkwe persuna, farm tal-klikks, jew servizz simili, bot, programm awtomatizzat jew apparat simili, inkluż permezz ta' kwalunkwe klikk, impressjoni jew attività oħra li toriġina mill-apparat mobbli tiegħek, mill-apparati mobbli taħt il-kontroll tiegħek, jew minn apparati mobbli b'kontijiet ġodda jew suspettużi;
iġġenerati bil-pagament ta' flus jew permezz ta' inċitamenti oħra lil partijiet terzi, rappreżentazzjoni qarrieqa, jew l-offerta ta' kummerċ fil-viżwalizzazzjonijiet;
iġġenerati permezz ta' attività li b'xi mod ieħor tkun tikser dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni; u
imħallta ma' kwalunkwe waħda mill-attivitajiet elenkati hawn fuq.
Fi Ftit Kliem: Jekk int iżżid b'mod artifiċjali l-viżwalizzazzjonijiet u l-metriki fuq il-kontenut li tippostja bi kwalunkwe mod, ma tkunx eliġibbli għal pagament.
Int trid tibqa' konformi ma' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni biex tkun tista' tieħu sehem fil-Programm. Jekk int ma tkunx konformi ma' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni, ma tkunx tista' tibqa' tieħu sehem fil-Programm, u aħna nirriżervaw il-jedd li nissospendu jew nirrevokaw b'mod permanenti l-aċċess tiegħek għas-Servizzi, minbarra li nieħdu kwalunkwe azzjoni oħra li nqisu li tkun xierqa. Sa fejn ikun permess mil-liġi, aħna nirriżervaw ukoll il-jedd li nżommu (u int taqbel li ma tkunx eliġibbli li tirċievi) kwalunkwe pagament skont dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni għal nuqqas ta' konformità. Jekk fi kwalunkwe waqt int ma taqbilx ma' kwalunkwe parti minn dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni, int trid tieqaf tuża s-Servizzi applikabbli minnufih.
Aħna nirriżervaw il-jedd li nwaqqfu, nimmodifikaw, ma noffrux, jew nieqfu noffru jew nappoġġaw il-Programm jew kwalunkwe wieħed mis-Servizzi fi kwalunkwe ħin u għal kwalunkwe raġuni, skont id-diskrezzjoni unika tagħna, bla avviż minn qabel jew responsabbiltà fir-rigward tiegħek, sal-punt massimu permess mil-liġijiet applikabbli. Aħna ma niggarantixxux li kwalunkwe wieħed minn fost dawk imsemmijin se jkun disponibbli f'kull ħin jew fi kwalunkwe żmien partikolari, jew li aħna se nkomplu noffru kwalunkwe wieħed minn fost dawk imsemmijin għal xi tul ta' żmien partikolari. M'għandekx tiddependi fuq id-disponibbiltà kontinwa tal-Programm jew kwalunkwe mis-Servizzi għal kwalunkwe raġuni.
Fi Ftit Kliem: Aħna nistgħu nirrestrinġu jew nitterminaw l-involviment tiegħek fil-Programm jew nimmodifikaw, nissospendu jew nitterminaw il-Programm fi kwalunkwe ħin, għal kwalunkwe raġuni.
Int u Snap (għall-għanijiet ta' din it-taqsima, il-"Partijiet") taqblu li tikkonformaw, u teħtieġu lil kull min jaġixxi f'isem il-Partijiet, jikkonforma mal-liġijiet, mar-regoli u mar-regolamenti applikabbli kollha relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dik il-konformità se tinkludi, fost affarijiet oħra, dawn li ġejjin: il-Partijiet u kull min jaġixxi f'isimhom mhux se jagħtu, iwiegħdu li jagħtu, joffru, jaqblu li jagħtu, jew jawtorizzaw l-għoti dirett jew indirett, ta' flus jew ta' kwalunkwe ħaġa oħra ta' valur lil ħaddieħor biex jippromovu jew jippremjaw azzjoni favorevoli, tolleranza ta' azzjoni, jew l-eżerċizzju ta' influwenza. Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni, il-parti li ma tkunx qed twettaq il-ksur ta' dawn ir-regoli tista' tittermina dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni wara avviż jekk il-parti l-oħra tikser din id-dispożizzjoni.
Il-Partijiet jaqblu li l-aġir tagħhom skont dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni se jikkonforma mas-sanzjonijiet ekonomiċi, mal-liġijiet dwar il-kontroll tal-esportazzjoni u mal-liġijiet anti-boycott applikabbli kollha. Il-Partijiet jirrappreżentaw u jiggarantixxu li (1) l-ebda parti (jew entità omm, sussidjarja, jew affiljata involuta fit-twettiq ta' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni) ma tkun inkluża f'xi lista ta' partijiet ristretti miżmuma minn kwalunkwe awtorità governattiva relevanti, inklużi, bħala eżempju, il-U.S. Specially Designated Nationals List u l-Foreign Sanctions Evaders List amministrati mill- Office of Foreign Assets Control tat-Treasury tal-Istati Uniti u d-Denied Parties List, Unverified List u Entity List miżmuma mill-Bureau of Industry and Security (“Listi ta' Partijiet Ristretti”) tal-Istati Uniti, u (2) tali parti ma tkunx proprjetà ta' xi ħadd jew ikkontrollata minn xi ħadd li jinsab f'Lista ta' Partijiet Ristretti. Meta tutilizza dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni, tali parti mhix se tagħmel negozju ma' jew tipprovdi prodotti jew servizzi, b'mod dirett jew indirett, lil ħadd fil-Lista ta' Partijiet Ristretti jew lil kwalunkwe pajjiż li miegħu jkun ipprojbit li jsir negozju fid-dawl ta' kwalunkwe sanzjoni applikabbli. Int taqbel li Snap mhix se tkun meħtieġa taġixxi jew tastjeni minn azzjoni b'rabta ma' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni jekk azzjoni jew astensjoni bħal din tkun tikser il-liġijiet ta' kwalunkwe ġurisdizzjoni applikabbli.
Int m'intix se tkun eliġibbli għal Pagament jekk int (jew il-ġenitur/kustodju(i) legali tiegħek jew l-entità tan-negozju tiegħek, jekk applikabbli) ma tgħaddix mir-reviżjoni tal-konformità tal-Fornitur tal-Pagamenti tagħna. Reviżjoni bħal din tista' tinkludi, iżda mhijiex limitata, għal verifika biex jiġi ddeterminat jekk int tidhirx f'xi Lista ta' Partijiet Ristretti miżmuma minn kwalunkwe awtorità governattiva rilevanti. Minbarra li kwalunkwe użu ieħor deskritt f'dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni, l-informazzjoni li int tipprovdilna tista' tinqasam ma' partijiet terzi biex nivverifikaw l-identità tiegħek, inwettqu r-reviżjoni tal-konformità tagħna, u nlestu l-proċess ta' pagament.
Fi Ftit Kliem: Kemm int kif ukoll Snap se tikkonformaw mal-liġijiet applikabbli kontra l-korruzzjoni, mas-sanzjonijiet ekonomiċi, mal-liġijiet dwar il-kontroll tal-esportazzjoni, u mal-liġijiet anti-boycott, kif stabbilit hawn fuq. Biex tkun eliġibbli biex tirċievi pagament, int trid tgħaddi minn reviżjoni tal-konformità.
Jekk int tagħti utenti oħra tas-Servizzi aċċess biex jippostjaw kontenut fuq il-kont tal-utent ta' Snapchat tiegħek jew joħolqu u jimmaniġġjaw sottokontijiet taħt il-kont tal-utent ta' Snapchat tiegħek, allura int tagħraf u taqbel li l-issettjar u r-revoka tal-livelli ta' aċċess għall-kont tiegħek huma r-responsabbiltà unika tiegħek. Int responsabbli għall-kontenut u għall-attività kollha li sseħħ fil-kont tiegħek, inkluża kwalunkwe attività minn amministraturi, minn kollaboraturi u minn kontributuri. Minn żmien għal żmien jista' jkollna bżonn naġġornaw dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni. Jekk dawk il-bidliet f'dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni jkunu materjali, aħna se navżawk raġonevolment bil-quddiem (sakemm dawk il-bidliet ma jkunux meħtieġa iktar qabel, pereżempju jekk ikun hemm xi bidla fir-rekwiżiti legali jew meta nkunu qed inniedu Servizzi jew funzjonijiet ġodda). Jekk wara li dawk il-bidliet jidħlu fis-seħħ int tkompli tieħu sehem fil-Programm, aħna se nqisu li int aċċettajt dawk il-bidliet. Jekk fi kwalunkwe ħin int ma taqbilx ma' xi bidliet f'dawn ir-Regolictal-Monetizzazzjoni, trid tieqaf tieħu sehem fil-Programm. Dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni ma joħolqux u lanqas ma jagħtu xi drittijiet benefiċjarji b'rabta ma' partijiet terzi. Xejn f'dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni mhu se jinftiehem li jimplika relazzjoni ta' impriża konġunta, prinċipal-aġent, jew ta' impjieg bejnek u Snap jew l-affiljati ta' Snap. Jekk aħna ma ninfurzawx dispożizzjoni f'dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni, dan mhux se jitqies bħala rinunzja tar-responsabbiltà. Aħna nirriżervaw id-drittijiet kollha mhux espressament mogħtija lilek. Dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni nkitbu bl-Ingliż u jekk kwalunkwe verżjoni tradotta ta' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni tkun f'kunflitt mal-verżjoni bl-Ingliż, il-verżjoni bl-Ingliż tipprevali. Jekk jinstab li xi dispożizzjoni ta' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni ma tkunx infurzabbli, dik id-dispożizzjoni titneħħa minn dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni u ma taffettwax il-validità u l-infurzabbiltà tal-bqija tad-dispożizzjonijiet. It-Taqsimiet 6, 9 u 10 ta' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni, u kwalunkwe dispożizzjoni li min-natura tagħha stess tkun maħsuba biex tibqa' valida, jibqgħu validi wara l-iskadenza jew it-terminazzjoni ta' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni.
Fi Ftit Kliem: Int responsabbli għall-attività kollha li sseħħ fil-kont tiegħek. Għandek tirrevedi dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni għax jista' jkun li naġġornawhom. Dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni ma joħolqu l-ebda tip ta' relazzjoni ta' impjieg bejnietna. Il-verżjoni bl-Ingliż ta' dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni tipprevali u ċerti dispożizzjonijiet jibqgħu fis-seħħ, anki wara li jiskadu jew jiġu tterminati.
Jekk għandek xi mistoqsija dwar dawn ir-Regoli tal-Monetizzazzjoni, kemm tikkuntattjana.